Monday, May 13, 2024

Spettur bi probation wara li ta daqqa fir-ras lil mara wara argument fuq ħmieġ tal-kelb

Aqra wkoll

“Xejn ma jiġġustifika l-azzjonijiet ta’ Spettur tal-Pulizija  li ma kienu xejn ħlief gratuwiti, indinjitużi u ta’ għajb kbir għal Spettur tal-Korp tal-Pulizija. Dan għax bħala persuna istruwita fit-trażżin tal-użu tal- forza u wkoll persuna li kien fi dmiru jipprevjeni li jsiru reati kriminali u li tintuża l-vjolenza, u mhux ikun vjolenti huwa stess, messu kien jaf ferm aħjar u messu eżerċita l-kontroll meħtieġ. Dan kellu jagħmel minn kollox biex ma jassaltax lill-parti offiża. Iżda fl-istess waqt, il-Qorti tqis li dan it-telf tal-kontroll f’inċident iżolat ma jimmeritax li jiġi punit bil-piena ta’ priġunerija anke minħabba n-natura ħafifa tal-offiżi.”

Dan iddikjaratu l-Qorti f’sentenza li tat f’każ fejn l-Ispettur tal-Pulizija Elton Buckingham instab ħati li aggredixxa lil Viviane Oliver Drummond u dan minħabba li Drummond għaddiet minn quddiem ir-residenza tiegħu b’kelb u ma ġabritx il-ħmieġ tiegħu. Hi kienet għamlet rapport fl-Għassa li qalgħet daqqa fuq għonqha. 

Il-Qorti kellha kliem iebes ħafna għal Ispettur tal-Pulizija u poġġietu taħt Ordni ta’ Probation għal setnejn. Fil-Qorti kien hemm kontestazzjoni dwar il-ġrieħi li ġarrbet Drummond, bil-Qorti tgħid li

“hu ovvju mhux biss li d-daqqa kienet fil-viċinanzi tal-widna, jiġifieri fir-ras, iżda wkoll li l-parti offiża kienet b’daharha lejh għax b’sempliċi imbottatura ħafifa minn quddiem viċin is-sider, ma jagħmel ebda sens loġiku li n-nuċċali tal-vittma jaqa’ u l-apparat li kellha f’widnejha, jinqala’. Dan kollu jfisser ukoll li d-daqqa li qalgħet mingħand l-imputat ġiet minn wara u waħda pjuttost b’saħħitha u mhux sempliċement imbottatura bil-pala tal-id. Dan kollu jikkombaċċja perfettament mal-verżjoni tal-parti offiża fejn ripetutament qalet li qalgħet daqqa b’saħħitha fuq għonqha fuq wara lejn il-geddum, jiġifieri eżattament taħt il-widna.” 

Il-vittma Viviane Oliveira Drummond xehdet li “fit-18 t’Awissu għal xi 7 ta’ filgħaxija ħarġet bil-kelb u għaddiet mill-istess rotta kif tagħmel ta’ kuljum f’Attard. Kif waslet fi Triq il-Linja il-kelb tagħha għamel il-bżonnijiet tiegħu iżda billi kien maħlul ma setgħetx tiġbru għalkemm fuqha kellha l-borża apposta.

Għalhekk baqgħet miexja u x’ħin daret għal Triq Mikiel Scerri biex tmur lejn darha semgħet għajjat ta’ mara u sabet mara rrabjata ħafna.” Tgħid li l-mara bdiet tkellimha ħażin u anke imbuttatha. Spjegat li hi daret u wissietha ma tmissiex iżda din kompliet bl-għajjat u għalhekk reġgħet daret biex tkompli fi triqitha. 

“Meta mxiet ftit ‘il quddiem jien smajt vuċi ta’ raġel. Dort u rajt raġel u beda jitkellem lingwa li ma bdejtx nifhem.” Qalet li daret biex tmur lejn darha iżda fil-pront ħasset daqqa fuq wara. Kif daret lemħet lir-raġel qed iniżżel saqajh u b’hekk indunat li kien hu li taha daqqa ta’ sieq. 

Indikat li d-daqqa li ħasset kienet waħda bil-ponn fuq il-parti laterali tal-lemin tan-naħa t’isfel ta’ għonqha. Kien hemm li bid-daqqa waqalha in-nuċċali u niżlet biex ġabritu u fl- istess ħin wissietu li ser ċċempel lill-pulizija. Meta qalet hekk avviċina lill-mara u telqu minn fuq il-post. 

Qalet li peress li riedet iżżomm xi prova għall-Pulizija, il-parti offiża reġgħet daret u x’ħin wasslet fil-post fejn il-kelb kien ħammeġ, rat lir-raġel fil-vettura li kienet wieqfa nofsha fuq il-bankina u nofsha fit-triq.

Biex tieħu ritratt tan-numru tal-karozza marret wara l-vettura fin-naħa ta’ fuq tar-rampa u hekk kif qed tieħu ritratt tal-pjanċa, rat ir-reverse lights tal-vettura jinxtegħlu u l-vettura instaqet fid-direzzjoni tagħha. Għalhekk ħarġet minn warajha hekk kif ir-raġel saq l’hemm lejn il-pont li jinsab fi Triq il-Linja, Ħ’Attard.

Sostniet li wara, ċemplet lill-żewġha u fuq struzzjonijiet mill-Pulizija marret il-Poliklinika tal-Mosta u wara baqgħu sejrin jagħmlu rapport l-Għassa ta’ Birkirkara. Xehdet li r-raġel ħalliha imbeżża’ tant li ma għadhiex tieħu l-istess rotta meta toħroġ bil-kelb għax tibża’ li terġa’ tiltaqa’ mal-koppja. 

Iddikjarat li għalkemm tbenġil ma kellhiex, baqgħet tħoss uġigħ fuq in-naħa ta’ wara tal-għonq lejn il-lemin tax-xedaq. 

L-Ispettur Jessica Bezzina xehed li l-għada 19 ta’ Awwissu meta bagħtet għaliha in konnessjoni mar-rapport li kienet għamlet il-ġurnata ta’ qabel, Viviane Oliveira Drummond irrapportatilha li kienet miexja bil-kelb tagħha ġewwa Triq il-Linja, Ħ’Attard fejn il-kelb għamel il-bżonnijiet tiegħu iżda ma setgħetx tiġbru u baqgħet miexja, meta f’daqqa waħda semgħet lil xi ħadd jiġri warajha u rat mara li bdiet tkellimha b’mod aġitat u għalkemm ma fehmitx il-kliem li bdiet tgħid, fehmet li bdiet tirreferi għall-ħmieġ tal-kelb tagħha fejn qaltilha li ma setgħetx tiġbru. Din il-mara imbottatha iżda ma waqgħetx fl-art.

Kompliet miexja u tisma’ leħen ta’ raġel fejn hi daret u r-raġel beda jgħidilha xi kliem ħażin bl-Ingliż fosthom “fuck you” u “you are a bitch” u reġgħet daret biex tkompli miexja u fil-pront ħasset daqqa fuq il-warrani tagħha. Dak il-ħin rat li r-raġel kien l-unika persuna viċin tagħha u l-mara kienet iktar ‘il bogħod minnu u għalhekk qalet li kienet ċerta li kien ir-raġel li taha d-daqqa.

Meta reġgħet daret biex titlaq ħasset daqqa ta’ ponn b’saħħitha fuq in-naħa ta’ wara ta’ għonqha u tant kienet b’saħħitha d-daqqa li waqagħlha n-nuċċali tal-viżta mal-art. Qalet li kienet ċerta li d-daqqa fuq l-għonq ukoll tahielha r-raġel għaliex meta daret biex tħares kien qrib tagħha b’mod li seta’ jilħaqha. Hemmhekk qaltlu li kienet sejra ċċempel lill-Pulizija u l-mara u r-raġel telqu. 

Elton Buckingham, meta ġie interrogat spjega li  l-mara li kienet miexja bil-kelb tagħha, waqfet quddiem ir-rampa tal-garaxx waqt li kien ser joħroġ il-karozza mill-garaxx minn quddiem fejn il-kelb għamel il-bżonnijiet tiegħu iżda l-mara baqgħet sejra mingħajr ma ġabret il-ħmieġ. Martu ħarġet mill-garaxx u marret warajha biex twaqqafha u stqarr illi “… kif ħriġt il-karozza, nofsha fuq ir-rampa u nofsha fuq il-bankina, jien smajt xeba’ għajjat, tfejt il-karozza, tellajt l-handbrake u ngranajtha u mort nara x’ġara. Kif wasalt ħdejhom Denise qaltli ara x’għamlitli u kulma rajt demm fuq subgħajha u ma erġajtx ħarist għax jien nibża mid-demm, jdejjaqni u fl-istess ħin Denise qaltli din kesksitli l-kelb. Jien min-naħa tiegħi din ġiet tgħajjat f’wiċċi u ma bdejtx nifhimha, li niftakar kliem ‘Puta’ u ‘Madre’ biss niftakar. Kif ġiet ma’ wiċċi jien ressaqtha u għidt lill-mara, imxi għax ma rridx nfotti s-servizz għal diċ-ċuċ. Dakinhar stess jien ċempilt l-Għassa ta’ Birkirkara u staqsejt biex nkellem Surġent u qaluli wieħed qiegħed l-festa u ieħor kien fuq xi inċident. Jien għedtilhom jekk jiġi xi ħadd jagħmel rapport fuq dan li ġara jgħiduli ħalli jiena nkun nista’ nagħmel ir-rapport tiegħi, kif fil-fatt għamilt l-għada.” 

L-Ispettur fl-istqarrija ċaħad illi kien ta lil din il-mara bil-ponn u meta ġie mistoqsi jekk kienx taha bis-sieq, wieġeb “ma jidhirlix dak il-ħin”. Iżda qal li l-mara ressaqha b’idejh u dak il-hin waqgħetilha ‘ear pod’ u niżlilha n-nuċċali. Qal illi ma kienx ra x’ġara bejn martu u l-mara l-oħra għax kien għadu fil-garaxx iżda martu qaltlu li kienet keskitilha l-kelb u kien ra d-demm f’subagħjha. 

L-Ispettur xehed li “baqgħet ġejja warajna u tkellem ħażin lill-mara. Jien fl-ebda ħin ma kellimtha ħażin jiġifieri għax jien l-argument mhux miegħi kien, u baqgħet ġejja warajna. Li innutajt x’ħin ħarist warajja,  indunajt li qed tieħu bil-camera tagħha għax kellha l-flash light mixgħula tal-mobile. …. Jiena f’dak il-ħin dħalt fil-karozza tiegħi, għax fl-istess frattemp waslu l-kunjati. Il-kunjatu niżżel lill-kunjata quddiem id-dar, jiġifieri ħdejn il-karozza fejn kienet tagħna biex tidħol u hu mar jipparkja, u dak il-ħin il-mara bdiet tgħid lil ommha biex tidħol ġewwa. Ġiet mill-ġenb tal-karozza, bdiet tieħu ritratti jew video  u bdiet tieħu fuq quddiem tal-karozza. Niżlitli fir-rampa tal- garaxx u dak il-ħin jiena qbadt ir-remote u bdejt nagħlqu….Il-garaxx, biex ma tidħollix fil-garaxx.” 

Xehed illi mbagħad kien ċempel l-Għassa fejn ingħata parir jagħmel rapport iżda peress li l-għada kien ‘off’ iddeċieda jagħmlu l-għada, fejn l-għada filgħodu, kif ħareġ mill-bieb, sab il-Pulizija li ġabru xi cameras u mar jagħmel rapport. Filgħaxija sar jaf li kien sar rapport fil-konfront tiegħu u xehed li huwa baqa’ ixxukkjat għax issemma li kien tajjar u aggredixxa lil din il-mara. Huwa ċaħad li f’xi ħin din il-mara tatu darha jew li taha daqqa ta’ sieq iżda li għamel kien biss li b’id ċatta ressaqha meta ġiet “frontal miegħi, tghajjat….. kif ġiet kienet, wiċċ imb’wiċċ ġejna għax hi l- istess tul tiegħi kienet, jiena biex inressaqha bilfors b’idejja rrid nimbuttaha.” 

Ċaħad li meta għamel din il-manuvra huwa uża xi forza għax kieku l-mara kienet taqa’ mal-art u żied jgħid illi l-unika manuvra li għamilt kienet illi: “…bil- karozza li ħriġt mir-rampa, hi ma kienitx quddiem il-karozza ovvjament, baqgħet fuq il-bankina mbagħad u x’ħin ġejt fil-kisra biex nitla għall-bridge, irriversjajt biex inkompli nitla’ ‘l fuq, dan f’nofs it-triq, ir-reverse; biex qlajt ovvjament mir-rampa, nofsha r-rampa nofsha l-bankina bil-quddiem qlajt.” 

Il-Qorti iddikjara li “allaħares wieħed kellu joqgħod jistenna sakemm jixkef l-identita’ ta’ xi persuna suspettata li għamlet reat, qabel jagħmel rapport lill- Pulizija għax jilħqu jintilfu t-traċċi tar-reat kif ukoll l-evidenza meħtieġa għall-investigazzjonijiet. Fuq kollox, ir-raġel hu Spettur tal-Pulizija li xogħolu sewwasew jinvestiga r-reati u jikxef l-identità tal-perpetratur ta’ reati kriminali, ħaġa li madankollu huwa baqa’ ma għamilx f’dan il-każ, u dan b’kuntrast mal-parti offiża li, għad li ma kienetx taf min kienu l-aggressuri tagħha, xorta waħda għamlet dak li kien mistenni minn persuna li kienet ġiet aggredita u mgħajra minn persuna oħra, ċioe’ fittxet l-evidenza u għamlet rapport lill-Pulizija tempestivament. 

Il-Qorti tqis ukoll li l-verżjoni tal-Ispettur tal-Pulizija li huwa kien biss “ressaq” lill-parti offiża lura b’idu ċatt għaliex kienet qiegħda tgħajjat f’wiċċu, bħala inverosimili anke għax il-verżjoni fix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti tikkuntrasta ferm ma’ dak li qal lill-Orderly meta ċempel l-Għassa biss ftit tal-ħin wara l-inċident. F’din it-telefonata l- imputat qal li l-mara l-oħra ġiet tagħmel għalih u: “jien kull ma għamilt imbuttajtha minn wiċċha ovvja. Mhux ħa nħalliha tmissni.” Iżda fix-xhieda tiegħu ma qalx li l- parti offiża kienet ser tħebb għalih iżda qal biss li kienet qiegħda tgħajjat f’wiċċu. Fil-fatt, xehed: jien fl-ebda ħin, din m’għamiltli xejn lili”. 

Il-Qorti sabitu ħati u poġġietu taħt Ordni ta’ Probation għal żmien sentejn.  Il-Qorti fissret lill-ħati, bi kliem li huwa jifhem, x’ikun l-effett tal-Ordni tal-Probation u li jekk huwa jonqos milli jikkonforma ruħu magħha jew jagħmel xi reat ieħor, jista’ jingħata sentenza għar-reat oriġinali u l-ħati esprima r-rieda tiegħu li jikkonforma mal-ħtiġiet ta’ dik l-Ordni. 

Sport