Friday, April 12, 2024

“Pass li jiżgura approċċ etiku lejn l-użu tal-AI”

Aqra wkoll

“L-adozzjoni tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali huwa jum storiku għat-tfassil tal-politika Ewropea. Li jiġi żgurat approċċ etiku lejn l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali li jżomm il-bniedem fiċ-ċentru tiegħu u jħares id-drittijiet u l-valuri fundamentali tagħna, filwaqt li jħalli spazju vitali għar-riċerka u l-innovazzjoni, hu essenzjali.”

Din kienet ir-reazzjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar għall-votazzjoni fil-plenarja ta’ din il-ġimgħa li kkonfermat il-ftehim proviżorju dwar din l-ewwel liġi komprensiva fid-dinja li tirregola s-settur tal-intelliġenza artifiċjali. 

Dott. Cutajar, li kkontribwixxiet għal din il-liġi bħala n-negozjatriċi għan-nom tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, laqgħet b’sodisfazzjon kif ir-regolament għandu l-għan li jindirizza riskji relatati mal-intelliġenza artifiċjali, filwaqt li jikkontribwixxi għas-sikurezza u l-privatezza f’setturi vitali bħat-trasport u s-saħħa. 

Hija saħqet li hu importanti li l-Unjoni Ewropea tkompli tinċentiva investiment f’soluzzjonijiet teknoloġiċi li jġibu titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħna, bħall-għajnuna biex jittaffew it-traffiku u t-tniġġis u li jkollna trasport aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità jew problema ta’ mobbiltà.

Il-MPE Josianne Cutajar laqgħet ukoll il-fatt li din il-leġiżlazzjoni se tippermetti wkoll lill-atturi ż-żgħar, bħan-negozji żgħar u medji tagħna, biex jaħsdu l-benefiċċji tal-intelliġenza artifiċjali. 

Dott. Cutajar ikkonkludiet li, “filwaqt li din il-liġi ġdida hija waħda li għandha tiġi ċċelebrata, se tkun meħtieġa ħafna aktar ħidma fix-xhur u s-snin li ġejjin kemm dwar ir-responsabbiltà ċivili ta’ min huwa responsabbli f’każ li jkun hemm inċident ikkawżata minn vetturi jew sistemi li jinkludu l-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll dwar l-użu ta’ din it-teknoloġija fuq il-post tax-xogħol”. 

Min-naħa tagħha hija tittama li l-ispirtu tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, u l-għan tiegħu biex jistabbilixxi regoli aktar ċari u trasparenti, jispiraw it-tfassil ta’ politika u liġijiet futura f’dan il-qasam.

Ekonomija

Sport