L-iSpettur Joseph Merċieċa talab lill-‘esperta Serba’ Miroslava Milenovich biex tipprovdi d-dettalji tal-istituzzjonijiet li minnhom kisbet iċ-ċertfikati li tgħid li għandha, wara li kien diġa informa lis-superjuri tiegħu li fil-fehma tiegħu ma kienx hemm lok li jittieħdu ebda passi kontra tagħha minkejja li eżerċitat il-professjoni ta’ ‘accountant’ f’pajjiżna mingħajr warrant.
L-iSpettur Merċieċa kien ingħata l-inkarigu li jiftaħ investigazzjoni dwar talba li kien ressaq l-eks Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jittieħdu passi fil-konfront ta’ Milenovic wara li fil-Qorti kienet ammettiet li ma kellix degree fl-accounts u lanqas warrant ta’ accountant minkejja li fl-inkjesta Vitals tqabbdet mill-Maġistrat Gabriella Vella bħala accountant forensiku.
Fit-28 ta’ Frar 2025 l-iSpettur Merċieċa ppreżenta rapport lis-superjuri tiegħu dwar it-talba ta’ Dr Muscat. Kif żvelat IT-TORĊA nhar il-Ħadd li għadda f’dan ir-rapport l-iSpettur minflok illimita ruħu għall-fatti kif kien id-dover tiegħu, għadda kummenti li jipprovaw iwaqqgħu għaċ-ċajt it-talba ta’ Dr Muscat.
Fil-fatt huwa għamilha ċara mill-bidu nett li t-talba tal-eks Prim Ministru kienet biss stunt legali biex tiġbed l-attenzjoni tal-midja u tikseb xi punti dwar il-kwistjoni tal-kredenzjali jew in-nuqqas tagħhom fir-rigward ta’ Milenovic. L-iSpettur kompla jiddeskrivi t-talba bħala fl-aħjar każ, esaġerata wisq u fl-agħar każ, ereżija legali. Fil-konkluzjoni tiegħu l-iSpettur Merċieċa ta l-parir li d-deċiżjoni tajba tkun dik li ma jinbdew ebda proċeduri kontra Milenovic. Il-Pulizija mxew ma din il-linja u fil-fatt baqgħu qatt ma ħadu passi kontra l-‘esperta Serba’.
IT-TORĊA iżda tinsab f’pożizzjoni li tiżvela li tlett xhur wara li ppreżenta r-rapport tiegħu, l-iSpettur Merċieċa reġa’ għamel kuntatt ma’ Milenovic. F’email mibgħuta fis-16 ta’ Mejju tas-sena 2025, huwa informaha li kellu bżonn id-dettalji ta’ liema huma l-istituzzjonijiet li minnhom kisbet iċ-ċertifikati li tgħid li għandha u li kopja tagħhom kienet ingħatat lill-Pulizija mill-avukat tas-Serba, Peter Fenech, magħruf sew għal kemm huwa qrib il-PN.
Wara li fir-rapport tiegħu stess, l-Spettur Merċieċa kiteb li l-Pulzija qatt ma jistgħu jipproċedu kontra Milenovic, tlett xhur wara talabha tibgħatlu l-indirizz elettroniku, il-websajt jew l-indirizz postali tal-istituzzjonijiet li taw ċertifikati lill-‘esperta Serba’ jew jekk dan ma kienx possibbli talabha tgħidlu imqar il-pajjiż minn fejn inħarġu dawn iċ-ċertifikati.
Fil-Qorti l-iSpettur Merċieċa kien mistoqsi mill-avukat Vince Galea, li qed jidher għal Dr Muscat, jekk għamilx kuntatt mal-Malta Qualifications Council biex jivverifika l-validità tal-kwalifiki ta’ Milenovic f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea, bl-iSpettur wieġeb fin-negattiv waqt li kien żied li huwa ma jafx jekk il-kwalifiċi li Milenovic qalet li għandha, humiex tajbin jew le biex taħdem f’Malta u li dak ma kienx kompitu tiegħu.

