Waqt spezzjoni ta’ rutina li saret il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt 10 ta’ Frar 2024, spetturi mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti interċettaw u kkonfiskaw kunsinna sinifikanti ta’ frott taċ-ċitru li ddaħħlu f’Malta minn Sqallija matul dan il-lejl mhux skont standards iffissati.
Din il-ħidma saret b’kollaborazzjoni mal-Pulizija fejn trakkijiet li jġorru l-frott minn Sqallija permezz tal-katamaran, ġew spezzjonati skont il-liġi. Iċ-ċitru kkonfiskat, jikkonsisti f’kunsinna ta’ 306 kaxxi ekwivalenti għal 3,032 kilo ta’ ċitru sinensis, reticulata u limon u dan ser jintbagħat lura lejn Sqallija fil-preżenza tal-ispetturi mid-Direttorat. Barra minn hekk id-Direttorat ser ikun qed jieħu l-passi legali kif jipprovdi l-Att dwar il-Kwarantina tal-Pjanti.
L-ispezzjonijiet isiru biex ma jitħallewx jidħlu u titrażżan il-firxa ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti f’Malta. Il-kummerċ illegali ta’ ċitru li ma jkunx konformi mal-liġijiet ta’ Malta jpoġġi f’riskju l-industrija agrikola Maltija billi jipperikola l-introduzzjoni ta’ mard tas-siġar u tal-pjanti kif ukoll ixekkel il-ħidma tal-produtturi lokali.
Malta tgawdi minn Żona Protetta għall-marda taċ-ċitru magħrufa bħala CTV (Citrus Tristeza Virus). Din il-marda hija fost l-agħar marda li taffettwa s-siġar taċ-ċitru li tinfetta l-ispeċi u l-varjetajiet kollha taċ-ċitru u tikkawża ħsara serja lill-industriji taċ-ċitru. Il-virus jinstab mad-dinja kollha fir-reġjuni tal-kultivazzjoni taċ-ċitru inkluż ir-reġjun tal-Mediterran. Dan wassal għal telf kbir ta’ siġar taċ-ċitru f’diversi pajjiżi bħal Spanja u l-Amerika ta’ Isfel.
Sabiex din il-marda ma tidħolx Malta, kwalunkwe frott taċ-ċitru li jiġi impurtat f’Malta jrid ikun ħieles minn kwalunkwe weraq u pedunkuli, li jnaqqas ir-riskju li jittrasportaw insetti li jġorru din il-marda. L-interċettazzjoni hija xhieda tal-impenn tal-Gvern li jħares l-interess tas-settur agrikolu Malti u fl-istess waqt jipproteġi lill-konsumatur. Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali jappella lill-pubbliku biex jagħmel rapporti dwar attivitajiet suspettati jew importazzjonijiet mhux awtorizzati lill-awtoritajiet konċernati.
Għal mistoqsijiet jew aktar informazzjoni, il-pubbliku hu mistieden jikkuntattja lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti fuq l-email [email protected] jew telefon 22926535.