Monday, April 6, 2026

SPIŻA FUQ DIFIŻA

Aqra wkoll

Tqajjem l-argument dan l-aħħar li mhijiex tingħata attenzjoni biżżejjed lill-ispiża tal-gvern fuq difiża u sigurtà. Naħseb li hu ġustifikat. Is-suġġett kollu kemm hu rari jqanqal interess fost iċ-ċittadini. Naturalment, jippreferu diskors dwar spiża tal-gvern fuq sussidji u għajnuniet soċjali, pensjonijiet u tnaqqis fit-taxxi. 

Madankollu, funzjoni ewlenija ta’ gvern hi li jorganizza l-aqwa difiża u sigurtà tal-istat, fl-interess taċ-ċittadini. Dil-ħaġa ma tistax tinjoraha. Inkella, meta jinqala’ l-bżonn urġenti li tibda tqisha, ikun tard wisq.

L-argument li m’għandniex għalfejn ninvestu fis-sigurtà u fid-difiża għax pajjiżna hu wieħed newtrali hu żgangat għall-aħħar. Aktar fażull minnu hu l-argument l-ieħor li ġieli nisimgħu dwar kif għandna nħallu f’idejn l-Unjoni Ewropea biex tiddefendina u tħarisna hi!

Jibqa’ veru li diskussjoni f’dal-qasam ma tiggwadanja l-ebda vot la għall-gvern u lanqas għall-oppożizzjoni. Kulħadd jippreferi jħalliha fuq l-ixkaffa… sakemm ma tinqalax xi emerġenza mhux mistennija.

ĦSARA F’BANK

Kienet aħbar tajba li l-Bank of Valletta f’temp ta’ nofstanhar, irnexxielu jegħleb u jirranġa t-tħarbit li nqalagħlu fis-sistemi tas-servizzi online. L-interruzzjoni damet u ħolqot problemi għal ħafna konsumaturi u azjendi.

Dehritli wisq xotta r-reazzjoni tal-Bank biex ifisser lill-poplu x’kien qed jiġri. Biżżejjed tgħid li nqalgħet problema “teknika”? U wara, qisu ma ġara xejn? Il-punt jikkonċerna l-ħtieġa li tingħata xi forma ta’ informazzjoni bażika dwar x’tip ta’ problema nqalgħet tassew. Inkella jibqgħu d-dubji dwar li l-problema setgħet kienet aktar profonda milli “intqal”.

Nassumi li r-regolatur tal-banek ġie informat u nżamm aġġornat bl-iżviluppi. Il-liġi Ewropea DORA ikkodifikat il-miżuri li bank irid jieħu meta jqumu ċirkostanzi simili. Ma setax ikun hemm kjarifika publika li dan sar? Veru li hemm ħtieġa biex dak li jsir u jintqal ma jqajjimx xi paniku bankarju. Dan m’għandux ifisser li l-affarijiet sempliċement jitqiesu bħala li “issa għaddew” bla ħtieġa ta’ “wisq” kontabilità publika!

PIENA TAL-MEWT

Tal-mistħija l-liġi li għadda l-Parlament ta’ Iżrael, biex idaħħal il-piena tal-mewt għal min iwettaq att “terroristiku” kontra l-istat. Skont rapporti fil-medja, il-liġi tirekjedi li “kull min intenzjonalment jew minħabba indifferenza jikkawża l-mewt ta’ ċittadin jew residenti ta’ Iżrael, għal raġunijiet ta’ razziżmu, ostilità jew bil-għan li jagħmel ħsara lill-istat ta’ Iżrael u lill-qawmien mill-ġdid tal-ġens Lhudi, jista’ jiġi kkundannat għall-mewt.” 

Interpretazzjoni bla xniexel ta’ dil-liġi hi din: Palestinjan li joqtol Iżraeli għal raġunijiet “terroristiċi” jingħata l-mewt, imma mhux Iżraeljan li joqtol Palestinjan għall-istess raġuni (bħal fix-Xatt tal-Punent). Il-liġi l-ġdida qed tikkonferma l-għajta li Iżrael qed jitħalla jsir stat li jipprattika l-apartheid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport