Splużjoni qawwija f’Nairobi, il-Kenja, ħalliet minn tal-inqas tliet persuni mejta u aktar minn 300 oħra midruba.
L-inċident seħħ il-Ħamis, għall-ħabta tal-11.30 p.m., wara li trakk li kien qed iġorr iċ-ċilindri tal-gass fid-distrett ta’ Embakasi sploda.
Kawża ta’ dan l-inċident ġew irrapportati ħsarat f’diversi karozzi, djar u negozji. Iż-żona ġiet magħluqa u baħlissa għaddejja investigazzjoni dwar il-kawża tal-isplużjoni.
Fost dawk li mietu kien hemm tifel filwaqt li n-numru ta’ mwiet jista’ jiżdied. Madwar 271 persuna kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura inklużi 25 tifel u tifla.
Il-Gvernatur ta’ Nairobi Sakaja Jonhson qal li ħafna mill-feruti ntbagħtu lura d-dar iżda minn tal-inqas 39 persuna kellhom jintbagħtu f’faċilitajiet oħra b’uħud minnhom kellhom ġrieħi gravi. 27 persuna oħra ngħataw l-ewwel għajnuna fuq il-post għal xi ġrieħi li iżda ma kinux gravi.
L-ewwel rapporti kienu li seħħet splużjoni f’impjant tal-gass fejn il-ħaddiema kienu qed jimlew mill-ġdid iċ-ċilindri tal-gass, iżda l-awtoritajiet aktar tard iċċaraw li trakk kien sploda f’parkeġġ.
Sadanittant, in-nirien ġew ikkontrollati u nbdiet operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ biex ikun magħruf jekk hemmx aktar persuni nieqsa jew li sabu kenn f’post ieħor.