Fost il-ħafna kummenti u reazzjonijiet b’rabta mal-aħbar li splodiet il-kamra tan-nar tal-15 t’Awwissu fil-Mosta spikkaw dawk li rringrazzjaw lill-istess Santa Marija li evitat diżgrazzja.
L-isplużjonijiet bdew ilbieraħ għall-ħabta tat-3:15 p.m u għalkemm wara sensiela ta’ splużjonijiet iżgħar kollox kien qed jindika li ma kienx hemm aktar materjal li seta’ jkun daqstant ta’ periklu, ftit tal-minuti wara seħħew splużjonijiet oħrajn.
Minkejja dawn l-isplużjonijiet kollha, medda kbira ta’ art li nbidlet f’kisja sewda fi ftit minuti u ħsarat estensivi fil-post, ritratt miġbud filgħaxija kien juri li l-istatwa ta’ Santa Marija kienet baqgħet sħiħa, liema ritratt kien segwit minn opinjonijiet diversi b’uħud jemmnu u oħrajn jgħidu li kellu jkun b’kumbinazzjoni li din ma tintlaqatx fl-isplużjonijiet.