Friday, December 20, 2024

‘Sport for Social Change’, award ġdid fl-Għażliet Sportivi Nazzjonali

Aqra wkoll

Assoċjazzjonijiet Sportivi Lokali, Federazzjonijiet, Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u Organizzazzjonijet Volontarji qed ikunu mistiedna biex jissottomettu n-nominazzjonijiet tagħhom għall-kategorija ‘Sport for Social Change’, li se tkun introdotta għall-ewwel darba fl-64 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Isportivi Nazzjonali, qed jiġi ntrodott award innovattiv biex turi l-importanza u l-apprezzament tax-xogħol imprezzabbli ta’ organizzazzjonijiet madwar il-gżejjer Maltin li qed jużaw l-isport jew attivita’ fiżika sabiex joħolqu impatt pożittiv fuq il-komunitajiet lokali u individwi fil-bżonn.

L-għan tal-unur ‘Sport for Social Change Award’ huwa biex iżid iktar interess fl-entitajiet sportivi biex jagħmlu iktar ħilithom u jkomplu jgħinu lil min hu fil-bżonn. Assoċjazzjonijiet Sportivi, Federazzjonijiet, Organizzazzjonijiet mhux Governattivi kif ukoll Organizzazzjonijiet Volontarji jistgħu jissottomettu l-inizjattivi tagħhom li saru bejn il-perjodu l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2023. L-inizjattiva/i jistgħu jkunu wiesa’ fuq bażi nazzjonali jew fuq bażi lokali.

L-Award se jirrikonoxxi l-isforz li qed isir fis-settur li jinkludi klabbs professjonali, għaqdiet ta’ karita’, għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fl-isport, is-settur pubbliku, u programmi ta’ responsabbilta’ soċjali korporattiva li jsiru anke mill-privat.

Organizzazzjonijiet li qed jaħdmu fi ħdan is-setturi li jaffaċjaw problemi soċjali f’Malta, bħal saħħa mentali u fiżika, esklużjoni soċjali, solitudni, razziżmu, inugwaljanza u diskriminazzjoni, kriminalita’ u qgħad, kollha huma mħeġġa biex jibagħtu n-nominazzjoni tagħhom għal din l-award. Inizzjattivi li jitrattat il-problemi ambjentali wkoll se jkunu kkunsidrati.

Sandro Micallef, Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports sostna li “huwa importanti iktar minn qabel li llum nirrealizzaw li wasal iż-żmien li nagħtu importanza lix-xogħol imprezzabbli li qed isir wara l-kwinti fi ħdan il-komunita’ sportiva.”

Organizzazzjonijiet, kemm li jaħdmu direttament fl-Isport jew barra mill-isport, qed jiġu mistiedna biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għal dan l-award, li se jkun iġġudikat minn panel ta’ esperti fuq dawn il-kriterji:

Innovazzjoni u / jew kollaborazzjoni (10 punti)

Impatt u kif tilħaq in-nies (10 punti)

Skala u diffikulta’ tal-problema/i li qed jaħdmu fuqha (10 punti)

Wirt u sostennibilta’ tal-proġett (10 punti)

Riżorsi u dedikazzjoni tal-istaff, kowċis u voluntiera (10 punti)

L-esperti se jkunu qed isegwu u jevalwaw iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-proġett, u dawk in-nominazzjonijiet li jiġu short-listed, jistgħu jintalbu jippreżentaw prova jew iktar informazzjoni.

L-applikanti jridu jippreżentaw ħarsa ġenerali ta’ mhux aktar minn 300 kelma fejn jiddeskrivu l-proġett tagħhom jew ix-xogħol li jkun għadu għaddej. Iridu jżidu wkoll case-study ta’ 200 kelma fejn juru l-impatt tal-programm, eżempju fuq individwu speċifiku jew komunita’.

Dawk interessati biex jissottomettu in-nominazzjoni tagħhom iridu jimlew din il-formola diġitali:

https://forms.gle/M7RSLhoHiZkjQhBa6

L-organizazzjonijiet magħżula se jkunu mistedna biex jattendu għall-Għażliet Sportivi Nazzjonali 2024 li se jsiru nhar is-Sibt 2 ta’ Marzu 2024.

Ir-rebbieħ inawgurali ta’ dan l-award se jingħata trofew speċjali.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu billi tintbagħat email lis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports fuq [email protected].

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali qed tiġi organizzata mill-Għaqda Ġurnalisti Sports bil-għajnuna tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.

Ekonomija

Sport