Saturday, December 21, 2024

Sports for Parkinson’s: Kollezzjonijiet ta’ Messi u Ronaldo f’Malta

Aqra wkoll

Din is-sena t-tieni edizzjoni tal-Kampanja Nazzjonali ‘Sport For Parkinson’s’ qiegħda tkun organizzata b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Olimpiku Malti.

Fl-aħħar ġimgħat il-Malta Taekwondo Association, il-Malta Squash Association, u l-Alpha Table Tennis Klabb organizzaw attivitajiet sportivi b’risq l-Organizzazzjoni Volontarja Step Up For Parkinson’s (ritratti mehmużin).

Bejn għada l-Ħamis u l-Ħadd li ġej, l-Evolve Badminton Akkademja, il-Malta Billiards & Snooker Association, il-Malta Darts Association, u l-Member Associations Standing Committee fi ħdan il-Malta Football Association ser ukoll jorganizzaw tournaments sabiex jagħtu l-appoġġ meħtieġ għall-ftuħ ta’ Ċentru tal-Parkinson, li jkun jista’ joffri kura speċjalizzata lill-persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni newroloġika.

Kontinġent ta’ 20 persuna bil-Parkinson mill-Ingilterra ser jingħaqdu f’din il-kampanja nazzjonali billi jattendu seminar edukattiv dwar l-isport, il-kundizzjoni fiżika u n-nutrizzjoni għal persuni bil-Parkinson, li ser jinżamm nhar il-Ġimgħa l-10 ta’ Novembru ġewwa l-Lukanda Corinthia Marina, San Ġiljan bejn in-nofs siegħa u l-erbgħa ta’ waranofsinhar. Għall-ewwel darba ser issir partita internazzjonali ta’ walking football għall-persuni bil-Parkinson bejn Malta u l-Ingilterra nhar il-Ħadd 12 ta’ Novembru f’nofsinhar ġewwa l-grawnd tal-futbol tal-Istitut ta’ San Ġużepp f’Santa Venera.

Il-kampanja nazzjonali Sport For Parkinson’s tilħaq il-qofol tagħha b’wirja ta’ kollezzjoni unika tal-futbol bejn l-1 u t-3 ta’ Diċembru fis-Sala Ewlenija tal-Ministeru għall-Inklużjoni, l-Organizzazzjonijiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur ġewwa l-Imrieħel, Birkirkara. Id-diversi oġġetti għall-wiri jinkludu l-Ballun tad-Deheb u flokkijiet milbusa minn Cristiano Ronaldo u Lionel Messi tul il-karriera tagħhom. Matul dawn it-tlett ijiem, ser ikun hemm irkant ta’ għadd ta’ affarijiet tal-futbol imprezzabbli b’risq Step Up For Parkinson’s.

Ekonomija

Sport