Sunday, December 22, 2024

SR Technics tinvesti €44 miljun fi proġett ta’ ħangar ġdid tal-ajruplani

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja d-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, fix-xhur li ġejjin SR Technics se tkun qed tiffinalizza xogħol f’ħangar ġdid tal-ajruplani.

Kumpanija ewlenija fid-dinja li tagħmel xogħol ta’ MRO, SR Technics qed tippjana biex fix-xhur li ġejjin tiffinalizza proġett b’investiment ta’ €44 miljun fuq ħangar tal-ajruplani, fejn 75% ta’ dan il-proġett huwa komplut.

Akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta’ SR Technics Jean-Marc Lenz u l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli żaret ix-xogħlijiet li qed isiru. Meta jitlesta x-xogħol, SR Technics Malta qed tippjana biex timpjega aktar nies, li jwassal għal total ta’ 350 impjegat.

SR Technics qed tespandi l-operat tagħha permezz ta’ bini modern ta’ ħangar ġdid li se jilqa’ ajruplani akbar.  Dan il-proġett, li huwa fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru, se jassisti lil SR Technics iżżid il-kapaċità tagħha billi takkomoda sa sitt ajruplani f’daqqa għal manutenzjoni bħal Base Maintenance Checks, modifikazzjonijiet u retrofits.

SR Technics tipprovdi servizz ta’ MRO  għas-settur tal-avjazzjoni ġewwa Zurich fl-Iżvizzera. Minkejja l-impatt li ħalliet  il-pandemija, din il-kumpanija temmen li s-settur tal-avjazzjoni se jkun qed  jirritorna għan-normal fi żmien qasir. Matul din iż-żjara, issemma l-appoġġ għall-impjegat f’Malta u dak li ngħata mill-gvern, li permezz tiegħu SR Technics irnexxielha tassigura li dan il-proġett iħalli l-frott.

“Għalkemm il-pandemija ħalliet impatt negattiv fuq is-settur tal-avjazzjoni, huwa inkoraġġanti li nara kumpanija ewlenija bħalma hi SR Technics timxi ‘l quddiem b’dan il-proġett. Ta’ min jirrimarka li dan kollu kien possibbli grazzi għas-sapport li ngħata mill-gvern u minn Malta Enterprise matul dawn iż-żminijiet ta’ diffikultà, kif ukoll il-bżulija tal-ħaddiema. Dan il-proġett huwa simbolu ta’ fiduċja f’Malta, bħala pajjiż li jattira kumpaniji għall-investiment, joperaw u tgħinhom jikbru”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SR Technics Jean-Marc Lenz qal li, “Bħala operatur ewlieni tal-magna MRO, SR Technics  għandha impenn fit-tul li tkompli tagħti servizz ta’ MRO f’Malta.  Fost l-isfidi li kellna kien dak tal-ħangar il-ġdid, però illum kburi li qed nara x-xogħol li qed jiġi iffinalizzat. Dan se jkun qed iwassal għal aktar servizzi ta’ kwalità għolja lil konsumatur u jiftaħ bibien ġodda għal aktar opportunitajiet. Qed nistennew li jkollna żieda f’investiment lokali, żieda fil-ħaddiema u tisħiħ fis-servizz lejn il-konsumatur, fejn dan se jwassal għal żieda fis-suq lokali. SR Technics hija grata  u tirringrazzja lill-gvern u lil Malta Enterprise, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ diffikultà, u  għaldaqstant tħares ‘il quddiem biex isir it-trasferiment fil-faċilitajiet il-ġodda.”

Ekonomija

Sport