Sunday, November 24, 2024

Statwa ta’ Sergio Aguero barra l-Etihad Stadium

Aqra wkoll

Manchester City ħabbru li se ssir statwa tal-leġġenda tal-club Sergio Aguero barra l-Etihad Stadium biex tfakkar l-10 anniversarju mill-goal famuż tiegħu li wassal għar-rebħ tat-titlu fl-istaġun 2011-12.

Fl-ewwel staġun tiegħu mas-Citizens, Aguero skorja goal drammatiku tar-rebħa fi 93 minuta u 20 sekonda biex għen lit-tem dak iż-żmien immexxi minn Roberto Mancini jiġi minn wara biex jegħleb lil Queens Park Rangers bl-iskor ta’ 3-2, u kiseb it-titlu tal-Premier League b’differenza ta’ goals aħjar minn Manchester United.

L-istatwa ta’ Aguero, li se tinħoloq mill-iskultur Andy Scott, se tkun mikxufa bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Man City 93:20 li mistennija jsiru x-xahar id-dieħel, u se tkun maġenb statwi tal-ex players sħab tal-Arġentin Vincent Kompany u David Silva barra l-Etihad Stadium.

Man City ħabbru wkoll li beħsiebhom jagħmlu ‘serje ta’ avvenimenti u attivitajiet’ f’Manchester u madwar id-dinja, inkluż avveniment li mistenni jakkomoda 2,000 partitarju u mistiedna speċjali inkluż Aguero u ex players tal-iskwadra rebbieħa tat-titlu fl-istaġun 2011-12.

Wara 10 snin mimlija rebħ ta’ unuri mas-Citizens, Aguero ħalla l-club fl-2021 bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-club, fejn skorja 260 goal fi 390 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.

Il-ħames darbiet rebbieħ tal-Premier League għadu l-aktar player barra mill-Ingilterra li skorja fl-istorja tal-Premier League Ingliż b’184 goal – fejn skorja disa’ goals aktar mil-leġġenda ta’ Arsenal Thierry Henry – u bħalissa jinsab ir-raba’ post fil-lista tal-aqwa skorers ta’ kull żmien, wara Alan Shearer (260 goal), Wayne Rooney (208 goals) u Andrew Cole (187 goal).

Sport