F’pajjiżna llum qed niċċelebraw Jum il-Ġimgħa l-Kbira, jum li fih infakkru l-passjoni u lmewt ta’ Ġesù. Dan il-jum liturġiku għall-Kattoliċi huwa jum ta’ importanza kbira u ħafna jerħulha jduru diversi lokalitajiet biex iżuru l-vari
tal-Ġimgħa l-Kbira. Statwi, artali u knejjes li meta tidħol fihom, barra li
tidħol fi spirtu reliġjuż qawwi, tara opri uniċi maħduma b’dedikazzjoni
minn artisti Maltin.

Bħal-għada Sibt il‑Għid, fit-8.00p.m., il-Knisja Kattolika tittella’ l‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej minn bejn l‑Imwiet. Din il-liturġija unika, imqassma fittberik tan‑nar; mixegħla tal‑blandun u Tħabbira tal‑Għid; Liturġija
tal‑Kelma; Liturġija tal‑Magħmudija; Liturġija tal‑Ewkaristija, issir
wara nżul ix‑xemx fi dħul il‑lejl li l‑qofol tagħha jintlaħaq fil‑mument
tal‑konsagrazzjoni, kif jiġri f’kull quddiesa, meta l‑ħobż u l‑inbid jinbidlu fil‑Ġisem u d‑Demm ta’ Kristu ħaj.
Flimkien maċ‑ċelebrazzjoni tal‑Ħamis filgħaxija u dik tal‑lum, għada jiġifieri Sibt il-Għid hu l‑qofol tas‑sena liturġika għax fiha l‑Knisja tgħix mill‑ġdid il‑ġrajja tas‑salvazzjoni, mhux b’nostalġija jew b’tifkira ta’ dak li ġara elfejn sena ilu,
imma għax għadha sseħħ sal‑lum.

Dan hu l‑akbar u l‑aqwa lejl tas‑Sena Liturġika u fil‑ħajja tal‑Knisja fejn jixxandar il‑qawmien mill‑mewt tal‑Mulej. Pitgħada, il-Ħadd il‑Għid, il-Knisja Kattolika tiċċelebra L‑Għid tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet. Filgħodu, b’mod partikolari
waqt il-quddiesa, il‑Knisja tiċċelebra l‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej bħala Knisja li tfakkar it‑twelid mill‑ġdid tal‑bniedem għall‑ħajja ta’ dejjem, bit‑tisħib ta’ dawk li jemmnu, fil‑qawmien ta’ Kristu mill‑mewt.
Matul din il‑ġurnata l‑Knisja tgħix il‑ferħ u l‑emozzjonijiet l‑oħra li d‑dixxipli għexu wara l‑qawmien ta’ Ġesù mill‑imwiet.