Stefano Negrini hu konsulent u aġent professjonali Taljan li jispeċjalizza fuq l-isport tant sabiħ tal-volleyball. Hu wkoll eks plejer tal-volleyball u kowċ u bniedem ferm magħruf fl-Italja partikolarment għal dan l-isport tant li anke jiġi maħtur f’diversi karigi tekniċi.
Riċentement hu ġie Malta fuq stedina ta’ Dr Kenneth Vella, president ta’ Paola Volleyball Club sabiex jara l-livell tal-volleyball f’pajjiżna filwaqt li se jkun qed jikkollabora mal-klabb Pawlist biex jagħti opportunitajiet lill-plejers lokali sabiex jilagħbu barra minn xtutna f’kampijiet ta’ taħriġ u anke esperjenza ma’ timijiet rinomati fl-Italja. Baqa’ wkoll impressjonat bil-faċilitajiet ta’ livell għoli li għandha l-Assoċjazzjoni Sportiva Hibernians immexxija mis-Sur Ronnie Calleja. Din il-gazzetta ltaqgħet miegħu għal intervista qasira.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-volleyball?
Bdiet sa minn meta kont żgħir. Minn dejjem kont inħobb dan l-isport minħabba l-versatilita’ tiegħu u anke li tkun attiv il-ħin kollu fih. Bħala plejer ma kontx xi wieħed ta’ barra minn hawn. Ġaladarba waqaft nilgħab bdejt karriera ta’ coach u wara kont anki Direttur Ġenerali ta’ club minn Sqallija. Wara bdejt ukoll nagħmilha ta’ aġent tal-plejers, kariga li hi verament għal qalbi.
Kif tarah il-livell tal-volleyball fl-Italja?
Nemmen li għandna livell tajjeb ħafna kemm fil-lat maskili kif ukoll dak femminili. Ħafna timijiet jieħdu dan l-isport b’serjeta’ kbira u ċerti riżultati li jġibu timijiet Taljani jixhdu dan kollu. Bħalissa fir-rankings tal-FIVB, l-Italja tinsab fis-sitt post u naħseb li hemm fejn ikun hemm titjib.
Kif nibtet din il-kollaborazzjoni sabiex ġejt f’Malta?
Għandi kuntatt tajjeb ma’ Kenneth Vella, li f’pajjiżkom jaħdem tant f’kull lat sportiv u edukattiv u anke bħala ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja. Wara kuntatt li għamilna, ġejt hawnhekk sabiex nara kif nista’ ngħin lil club ta’ Raħal Ġdid fil-pjanijiet ambizzjużi tiegħu u eventwalment l-iżvilupp tal-logħba nġenerali, anki speċjalment il-plejers li jilagħbu hawnhekk. Kelli wkoll laqgħat mas-Sur Calleja, mal-coaches tal-club Mark Ħili u Carmen Gauċi u uffiċjali oħra tal-kumitat. Diġa’ qiegħed naħdmu fuq pjan fit-tul mal-club Pawlist iżda dwar dan żgur li toħroġ aktar informazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.
Kellek ċans tara xi logħbiet tal-volleyball lokali?
Iva kelli ċans nara xi logħbiet tal-kampjonat lokali tal-volleyball. Rajt lil Falcons kontra Phoenix fl-azzjoni fost l-oħrajn u impressjonawni anke diversi timijiet oħra li għandhom plejers b’karatteristiċi individwali interessanti. Ma setax jonqos ukoll li nara lil Paola fl-azzjoni. Naħseb li hawn plejers li jilgħabu fil-kampjonat tagħkom li kapaċi jagħmluha fil-kampjonati nazzjonali Taljani.
Iżda x’tiftakar miż-żmien meta int kont plejer tal-volleyball?
Kif għedtlek aktar qabel, jien ma kontx xi plejer ta’ barra minn hawn. Kont inħobb il-logħba, nilgħab għall-gost u nara li nkun magħżul mill-kowċ permezz ta’ taħriġ tajjeb.
Madankollu kelli ħafna injuries li xi kultant tellfuni milli nagħti l-mija fil-mija tiegħi. Għalkemm ippruvajt nagħmel karriera ta’ kowċ, hu fix-xogħol ta’ prokuratur sportiv li sibt is-sodisfazzjon tiegħi fejn xogħoli hu li nippromwovi plejers ta’ talent fl-Italja.
Kellimni għalhekk dwar il-karriera ta’ prokuratur.
Kif għedtlek hi karriera li togħġobni ħafna. Xi kultant bniedem ikun maħluq għal dik il-pożizzjoni, xi ħaġa li stajt ninduna biha għax jien bniedem li nfittex ħafna l-lat soċjali ta’ kollox. Naħdem fl-Italja u matul is-sena jkolli kuntatt ma’ diversi plejers Taljani tal-volleyball, xi ħaġa li nagħmilha u li ttini sodisfazzjon kbir.
X’differenza tara bejn li tkun plejer għal li tkun kowċ u prokuratur?
Dawn huma tliet rwoli kompletament differenti minn xulxin. Meta tkun plejer, xogħlok hu li tagħti l-mija fil-mija tiegħek fil-court filwaqt li tieħu t-taħriġ b’serjeta’ kbira. Meta tkun qed tikkowċja għandek responsabbilta’ kbira ta’ grupp ta’ plejers li trid iġġibhom tim wieħed.
Meta tkun prokuratur int għandek iktar firxa ta’ xogħol għalkemm iktar relatat ma’ plejers individwali u tara kif tista’ tassistihom. Jien kburi ngħid li għamilt it-tliet xogħlijiet iżda kif għedtlek, fl-aħħar wieħed sibt il-milja tiegħi.
Din hi l-ewwel darba li ġejt Malta? Għad nerġgħu narawk hawnhekk?
Iva din hi l-ewwel darba li ġejt hawnhekk u ngħid il-verita’ bqajt impressjonat bis-sbuħija ta’ din il-gżira speċjalment li mdawra bil-baħar. Probabbilment nixtieq niġi hawn għall-vaganza, xi ħaġa li żgur se nagħmel meta jkolli ċans.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-volleyball.
Il-volleyball hu sport sabiħ ħafna li nissuġġerih lil kulħadd. Min jixtieq jaqbad dan l-isport, għandu ħafna vantaġġi fiżiċi u mentali għax jgħinek ħafna sabiex tkun ikkonċentrat u ffukat. B’impenn, serjeta’ u dedikazzjoni, plejer żagħżugħ kapaċi jsir tajjeb jekk jeżerċita’ dawn il-kwalitajiet kollha.