Sunday, December 22, 2024

Stennija għar-risposta ta’ Nazzjonalisti lis-’17 Blue Heroes’

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Illum waqt li fid-9 ta’ filgħodu mistenni jibda l-proċess tal-għadd tal-voti, apparti l-istennija għar-riżultat ta’ min se jirbaħ din l-elezzjoni ġenerali u kemm se jkun id-distakk, hemm stennija oħra. Din hi stennija mis-sostenituri ta’ Adrian Delia, li qed jistennew li l-ħidma li kienet għaddejja fl-aħħar ġimgħat tagħti l-frott tagħha b’vot qawwi mill-elettorat lil Adrian Delia fuq iż-żewġ distretti li hu ikkontesta fihom. “Qegħdin nistennew li Delia, permezz tal-vot tan-Nazzjonalisti Karkariżi, jagħti risposta lis-17 Blue Heroes, li minħabba fihom hu  tneħħa minn Kap”, qal lil Talk.mt wieħed mis-sostenituri tiegħu. L-istess sostenitur qalilna li “t-tama tagħna hi li Delia iġib riżultat ta’ ammont sostanzjali ta’ voti, li jkun jiżboq lil dak li jġibu is-17 Blue Heroes”.  Is-sostenituri ta’ Delia qed jittamaw li Delia iġib l-akbar ammont ta’ voti fuq it-tmien distrett li hu dak li fih hemm Birkirkara.

Wara li nhar il-Ħamis intemmet il-kampanja elettorali kienu diversi dawk is-sostenituri ta’ Adrian Delia li kkummentaw dwar il-kampanja. Ma naqsux li jirrimarkaw li kienu għadhom imweġġgħin b’dak li sar fil-konfront ta’ Adrian Delia meta tneħħa.

“Wara 45 sena nivvota PN, il-vot baqa’ fil-kexxun… dan minħabba dak li għamlu lil Adrian Delia”

Wieħed mis-sostenituri ta’ Delia jikkummenta li “jien weġġgħajt wara dak li għamlu  lil Dr Delia. Jien u l-familja ħadniha bi kbira wisq u l-voti se jibqgħu għandi fil-kexxun (wara 45 sena nivvota PN). Konna nivvotaw biss kieku l-kap leġittimu tagħna Dr Adrian Delia  ħareġ fuq id-distrett fejn noqogħdu aħna. Nħeġġeġ lill-poplu tas-seba’ u tmien distrett biex jivvotaw lil Dr Adrian Delia u b’hekk jagħtu risposta li dawk is-sbatax “Blue Heroes”.

Imweġġgħa….ġie miċħud minn klikka ta’ nies

Fi tmiem il-kampanja spikka il-messaġġ miktub minn Cynthia Galea. Hi ddikjarat li “sirt naf lil Adrian fis-sena 2019. Nasal ngħid fl-agħar sena tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni – meta ġie miċħud minn klikka ta’ nies li finalment spiċċat qaċċtitu mill-kariga leġittima li kien beda jokkupa fis-sena 2017 u li kellha tintemm propju fl-aħħar jiem. Bkejt, weġġgħajt, ħassejt nervi kbar u ħafna emozzjonijiet oħra li qajla kienu sbieħ. Imma Adrian minkejja dak kollu għinni u għallimni naħfer u nagħder u ġiegħlni xorta nibqa’ nemmen fil-PN – il-Partit li dejjem iġġieled l-inġustizzji.”

Tisħaq li “jien bħal ħafna minnkom, kien hemm perjodu ta’ żmien li ma ridtx nivvota lill-PN għax emmint li kien il-Partit li għamel il-ħsara lil Adrian iżda Adrian għallimni li l-Partit sagrosant u ħadd u xejn mhu aqwa mill-partit.” Hi appellat lil dawk kollha li weġġgħu u li probabbli għadhom imweġġgħin b’dak li għamlu lil Adrian biex jivvotaw lil dawk il kandidati tal-Partit Nazzjonalista li tassew jistħoqqilhom ikunu fil-Parlament biex jirrappreżentaw il-vuċi maħnuqa tagħhom.

Nemmen li din l-elezzjoni se tagħti raġun lil Adrian Delia

Sostenitur ta’ Delia qal lil dan is-sit li “nemmen li din l-elezzjoni se tagħti raġun lil Dr Delia. Tneħħa minn postu.  Adrian imma wera kemm kien raġel.   Baqa’ jaħdem għal Partit Nazzjonalista, anke meta konna qegħdin naraw stħarriġ wieħed wara ieħor kollha negattiv. Adrian kien ta’ eżempju minkejja l-mod kif ġie trattat”. Mistoqsi jekk hux minnu li se jkun hemm vot ta’ protesta minn sostenituri ta’ Adrian Delia, l-istess sostenitur qalilna li “dak li nista’ ngħid jien hu, li jien se nivvota b’moħħi u mhux b’qalbi. Ma nistax imma nagħti l-vot lil min kien parti minn dak il-grupp li finalment wasslu biex neħħew lil Adrian Delia.”

Mistoqsi x’qed jistenna minn din il-votazzjoni, l-istess sostenitur qalilna li “nistenna vot qawwi ta’ fiduċja f’Adrian Delia. Qed nistenna dan fuq it-tmien distrett. It-tama tiegħi li dan id-distrett, Adrian iġib l-akbar ammont ta’ voti”.

Ekonomija

Sport