Sunday, December 22, 2024

Stennija u entużjażmu fost l-atleti lokali għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta

Aqra wkoll

Xahar u jumejn oħra jingħata bidu għal avveniment sportiv internazzjonali f’pajjiżna, il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li għalihom hemm stennija u entużjażmu kemm mill-atleti lokali kif ukoll mill-għadd sabiħ ta’ voluntiera li se jipparteċipaw b’mod attiv. L-entużjażmu ntwera sew f’laqgħa li saret mal-voluntiera lbieraħ filgħaxija, li matulha tnediet ukoll id-diska uffiċjali tal-logħob.

Id-diska uffiċjali ‘Shine your Light’, se titkanta minn Amber u AIDAN, b’mużika ta’ Amber u tal-kompożitur Elton Zarb, u lirika wkoll ta’ Amber.

Waqt li kien qed jindirizza din l-attività, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Ilna nippreparaw biex nospitaw dawn il-logħob, u aktar ma jersaq iż-żmien aktar qed nilħqu l-qofol tal-preparamenti tagħna.” Filwaqt li rringrazzja kemm l-artisti tal-impenn tagħhom kif ukoll lill-voluntiera, qal li din se tkun esperjenza sabiħa mhux biss għall-atleti imma wkoll għall-poplu Malti u Għawdxi.

“Dan il-logħob mhux biss se jkompli jpoġġina fuq il-mappa dinjija tal-isport, imma se tkun okkażjoni li fiha l-atleti tagħna se jsarrfu t-taħriġ u l-investiment li għamilna fihom f’riżultati tajbin kemm fuq livell personali kif ukoll fuq skala nazzjonali”, qal il-Ministru Grima.

Għall-voluntiera din se tkun esperjenza u opportunità unika li jipparteċipaw b’mod dirett kif ukoll indirett f’dan l-avveniment sportiv prestiġjuż li se jsir f’pajjiżna.

Il-Ministru Grima fakkar li ilu għaddej xogħol bi tħejjija għal dan l-avveniment, li mhuwiex biss xogħol infrastrutturali fil-faċilitajiet sportivi, imma wkoll xogħol organizzattiv, laqgħat ta’ konsultazzjoni u koordinament. “F’din l-organizzazzjoni qed ninvolvu lil kulħadd għaliex irridu li din tkun esperjenza li mhux biss igawdu minnha l-isportivi tagħna, imma jgawdi minnha wkoll il-poplu b’mod ġenerali,” temm jgħid il-Ministru Grima.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv u Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li din se tkun esperjenza u opportunità tajba biex il-voluntiera mhux biss jipparteċipaw b’mod aktar mill-qrib f’dawn il-logħob, imma jieħdu wkoll esperjenza ta’ avveniment sportiv fuq skala internazzjonali.

Waqt din iċ-ċelebrazzjoni għadda l-messaġġ tiegħu wkoll il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello li ħeġġeġ iżjed persuni sabiex jersqu ’l quddiem u jingħaqdu mal-kumplament tal-voluntiera.

Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar se jsiru f’Malta bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju u mistennija jipparteċipaw fihom mal-1,000 atleta u 500 uffiċjal f’għaxar dixxiplini sportivi.

Ekonomija

Sport