Saturday, December 21, 2024

Steward Health Care Malta tirdoppja l-kapaċità tagħha tat-testijiet tal-Covid-19

Aqra wkoll

Hija għamlet dan biex tilqa’ għaż-żieda fl-għadd tal-każi tal-COVID-19

Steward Health Care Malta (SHCM) żiedet il-kapaċità tagħha tat-testijiet tal-COVID-19 fil-laboratorju tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex permezz tat-tieni rapid PCR analyser.

Bis-saħħa ta’ dan, dawk li jidħlu l-Isptar ta’ Għawdex għal kura jkunu jistgħu jiġu ttestjati għall-COVID-19 aktar malajr, jinħarġilhom ir-riżultat f’inqas żmien, u b’hekk is-sodod tal-isptar jiġu mmaniġġjati b’mod aktar effiċjenti u sigur. Dan l-apparat il-ġdid se jgħin biex l-isptar ikompli iżomm il-livelli normali tal-operat u tippermetti li SHCM tiffoka l-ħidma tagħha sabiex tkompli tgħin lill-komunitajiet li taqdi jiġġieldu l-virus.

“L-abilità tagħna li nikkuraw il-pazjenti malajr u l-aħħar żviluppi li għamilna fl-apparat biddlu għalkollox il-mod li bih qed naqdu lill-komunità tagħna. Qegħdin f’qagħda aħjar biex nissieltu l-COVID-19 għax imħejjijin aktar biex inkunu ta’ servizz aħjar għall-pubbliku f’dan iz-zmien hekk iebes ta’ pandemija,” qal Joseph Fenech, id-Direttur Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

SHCM tinsab kunfidenti li l-investimenti fit-tul li sar fis-sodod, fit-tagħmir u fl-infrastruttura, kif ukoll it-tieni PCR analyser, u l-prattiċi li implimentat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-Isptar Karin Grech se jħarsu aħjar lill-komunitajiet lokali tagħha, speċjalment lill-pazjenti vulnerabbli. SHCM għamlet investiment dirett f’aktar sodod u f’tagħmir ġdid biex tikkumbatti l-pandemija. Dan għamlitu, fost l-oħrajn, b’25 ventilators u permezz ta’ reservoir imdaqqas għall-ħażna tal-ossiġnu f’Għawdex sabiex issalva l-ħajja tal-pazjenti. Permezz tas-sapport tan-network internazzjonali tal-kura tas-saħħa li toffri Steward, SHCM qed taħdem sabiex iżżid il-kapaċità biex  tikkura lill-pazjenti u ttejjeb l-aċċess għas-servizzi tagħha.

Dr Nadine Delicata, il-President ta’ Steward Health Care Malta qalet: “SHCM qed taħdem qatigħ, flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa lokali, biex tiżgura li l-pubbliku jkun imħares u li l-pazjenti jiġu kkurati bl-ogħla livell u kwalità ta’ kura possibbli, waqt li tipproteġi kemm lil pazjenti kif ukoll lill-istaff. Qed naħdmu id f’id  mal-imsieħba kollha biex nippromwovu l-programm nazzjonali tat-tilqim, u l-isptarijiet Karin Grech u dak Ġenerali ta’ Għawdex qed jgħinu fit-tħejjija u fl-amministrazzjoni tad-dożi tal-booster lill-pubbliku. Barra minn hekk, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandu sehem ewlieni fl-għoti tal-ewwel dożi tat-tilqima lit-tfal ta’ Għawdex, ta’ bejn ħames snin u 11-il sena, bħala parti mill-programm nazzjonali tat-tilqim.”

Dr Delicata qalet li SHCM ilha tippjana għal sfida bħal din, u issa tista’ tiffoka l-ħidma tagħha biex tkompli tindirizza ż-żieda reċenti fil-każi tal-COVID-19. 

Hi kompliet: “Steward Health Care Malta hi ddedikata biex tipprovdi servizzi mediċi ta’ kwalità lill-pazjenti u l-komunitaj, b’mod partikolari meta jfeġġu sfidi kbar għas-saħħa, bħall-varjant Omicron. Fl-aħħar snin żidna l-investiment fil-faċilitajiet tagħna biex inkunu nistgħu niġġieldu l-COVID-19 u ħdimna man-network internazzjonali tagħna biex nipprovdu l-aqwa servizzi ta’ kura fl-isptarijiet tagħna li bihom nistgħu nikkumbattu l-virus. Bil-mod sistematiku, proattiv u dedikat tagħna, aħna mħejjija aħjar f’każ li jkompli jkun hawn żieda fil-każi tal-coronavirus.” 

Ladarba SHCM hi parti minn sistema usa’ ta’ kura tas-saħħa internazzjonali – l-esperjenza u l-ħila ta’ Steward kienu ta’ benefiċċju dirett għall-komunitajiet li taqdi lokalment. F’Għawdex, permezz tas-supply chain internazzjonali ta’ Steward, SHCM setgħet tikseb 25 ventilator units biex tilqa’ aħjar għall-pandemija fl-Isptar Ġenerali, u l-kapaċità tal-isptar żdiedet b’120 sodda u ssaħħet b’tibdil infrastrutturali fid-Dipartiment tal-Emerġenza li issa hu adattat għall-COVID-19. 

Biex tħares lill-iżjed pazjenti vulnerabbli, f’April 2020 SHCM irrilokat 70 anzjan li kienu residenti fl-isptar għal faċilità alternattiva b’miżuri u proċeduri stretti. Din id-deċiżjoni f’waqtha għenet biex il-virus tal-COVID-19 ma jinfirixx fost din il-parti vulnerabbli tas-soċjetà; in-nursing home li twaqqfet fil-faċilita’ tad-Downtown ma kellha l-ebda mewta jew imxijarelatati mal-COVID-19. 

Dr Delicata għalqet billi qalet li: “Kulħadd għandu jibqa’ attent u josserva l-miżuri tas-saħħa pubblika fi sforz biex innaqqsu kemm nistgħu l-għadd tal-każi tal-COVID-19 fil-komunitajiet tagħna.” 

Ekonomija

Sport