Tuesday, December 24, 2024

STĦARRIĠ: IL-PL B’DISTAKK TA’ 9.7% FUQ IL-PN

Aqra wkoll

Il-polz tal-elettorat jindika li hemm distakk ta’ 9.7% favur il-Partit Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista. Dan jirriżulta minn stħarriġ ikkummissjonat minn IT-TORĊA sena wara l-elezzjoni ġenerali li saret f’Marzu tas-sena li għaddiet. L-istħarriġ huwa tal-istatistiku Dott. Vincent Marmarà u sar bejn is-16 u l-24 ta’ Marzu b’kampjun ta’ 1,000 persuna

Dott. Marmarà qal li hemm tnaqqis fid-distakk meta mqabbel mal-elezzjoni ġenerali li għaddiet u spjega li dan huwa kawża tal-fatt li hemm numru akbar ta’ votanti Laburisti li wieġbu li f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada ma jivvutawx. Stqarr li minkejja dan, xorta m’hemmx shifts partikolari minn partit għall-ieħor. Huwa qal li “n-numru ta’ nies li lesti jaqilbu l-vot minn partit għall-ieħor, kważi jikkumpensa lil xulxin.” 

Dott. Marmarà qal li jekk it-turnout ikun bħall-aħħar elezzjoni ġenerali, id-distakk ikun ta’ madwar 29,000 vot. Filwaqt li jekk it-turnout ikun iktar baxx, kif bħalissa qed jindika dan is-survey, id-distakk ikun ta’ madwar 26,000 vot favur il-Partit Laburista

Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 53.3% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 43.6%. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 3.1% tal-elettorat. Meta mistoqsi jispjega kif ix-xjenza tal-istatisika twassalna għal dan ir-riżultat, huwa qal li meta wieħed japplika mudell xjentifiku fuq dawk li jirrifjutaw li jwieġbu jew jinsabu indeċiżi, wieħed ikun jista’ jsib sostituzzjoni xjentifika għal dan il-grupp ta’ nies. Żied jgħid li dan il-metodu jissejjaħ Multiple Imputation Technique u b’hekk wieħed jipprova joħroġ ir-riżultat finali ta’ dak li jista’ jseħħ. 

Meta r-riżultat ta’ dan l-isħarriġ jitqabbel mar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tas-sena li għaddiet, wieħed jinnota tnaqqis ta’ 1.8% għall-Partit Laburista, żieda ta’ 1.9% għall-Partit Nazzjonalista u tnaqqis ta’ 0.1% għall-partiti oħrajn.

Ekonomija

Sport