Saturday, May 18, 2024

Possibilità kbira ta’ maltemp fil-Ġimgħa Mqaddsa … iżda fil-Ġimgħa l-Kbira mhux mistennija xita

Aqra wkoll

Hekk kif ħafna delettanti tal-Ġimgħa Mqaddsa jibdew minn kmieni jaraw it-temp kif se jkun, is-sit l-Aġġornament tat-Temp qed jirrapporta li għalkemm għadu kmieni wisq biex wieħed ikollu idea ċara ta’ kif se jkun it-temp, hemm possibbilità kbira li matul dik il-ġimgħa jkollna l-maltemp.

Iżda fl-istess rapport jgħid li fis-7 ta’ April – il-Ġimgħa l-Kbira – meta joħorġu ħafna purċissjonijiet madwar il-pajjiż, mhux indikat li se jkun hemm xita u lanqas riħ qawwi. L-istess sit jirrepeti l-avviż li għadu kmieni u kollox jista’ jinbidel.

Intant, għal ġimgħa d-dieħla t-temp mistenni jkun il-biċċa l-kbira xemxi. Nhar it-Tnejn ir-riħ se jkun forza 4 għal 5 mill-Majjistral filwaqt li t-Tlieta se jkun forza 4 għal 5 mill-istess direzzjoni tal-ġurnata ta’ qabel.

L-Erbgħa r-riħ mistenni li jdur Xlokk il-Lvant forza 4 filwaqt li l-Ħamis u l-Ġimgħa jdur lejn il-Lbiċ forza 4. Is-Sibt imbgħad imur lejn il-Punent b’forza 3 filwaqt li l-Ħadd jerġa’ jdur Majjistral u jitla’ forza 5.

Sport