Wednesday, December 25, 2024

Stimi baxxi?

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Għadni nibża’ li l-istimi li qed isiru tad-deni ekonomiku li l-imxija tal-corona virus kkawżat għadhom baxxi. Mhux għal Malta biss, imma ma’ kullimkien.

Nifhem il-ħtieġa ta’ prudenza. Ikun żball li f’dan ix-xogħol tidħol xi esaġerazzjoni. Hemm ukoll il-bżonn li l-popli ma jinġabux f’qagħda fejn jitilfu t-tama u l-kuraġġ.

Biss sa issa l-istimi proviżorji li nġabu tal-konsegwenzi tal-pandemija kollha kellhom jinbidlu ’l fuq. Dan seta’ kellu l-effett li uħud mill-gvernijiet sabu li l-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju li bdew bihom kienu qawwija wisq u mhumiex sostenibbli fuq iż-żmien li l-imxija issa mistennija li se ddum. Il-ministru Malti tal-finanzi Scicluna qal tajjeb li l-aħjar hu li l-miżuri jiġu ddożati bi prudenza ħalli jkunu jistgħu jwasslu aktar fit-tul.

Min-naħa l-oħra, stima baxxa tista’ twassal biex l-iskala tal-problema tiġi sottovalutata u l-bazooka finanzjarja (kif tissejjaħ) biex tilqa’ għaliha tinżamm wisq ċkejkna.

***

Infermiera mill-Indja

Qalulna li xi 200 infermier mill-Indja ġejjin jaħdmu f’Malta biex jgħinuna nilqgħu għall-imxija tal-corona virus.

Wieħed ma jistax ma jfaħħarx l-inizjattiva tal-gvern li rranġa dil-ħaġa.

Imma bilfors tagħmel l-osservazzjoni: Fl-Indja bħalissa l-corona virus qed tagħmel furur. Qabdet sew u nfirxet ma’ dak il-pajjiż li jista’ jitqies kontinent. Ħafna nies, fosthom l-aktar il-fqar, qed imutu. Jintqal li jeżisti nuqqas kbir ta’ personnel mediku, fosthom tobba u infermiera.

Kif qed jiġri mela li l-infermiera qed jitilqu mill-pajjiż f’dan iż-żmien?

***

Qagħda fil-Libja

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-qagħda fil-Libja hi konfuża. Jekk l-aħbarijiet li nisimgħu huma korretti, daqqa jkunu minn fuq il-forzi ta’ Haftar, daqqa ta’ dawk immexxija mill-“gvern” li għandu l-għarfien internazzjonali. Sadattant, l-assedju ta’ Tripli baqa’ sejjer.

Kienu jgħidu li l-imxija tal-corona virus diffiċli tidħol il-Libja għax ftit nies jersqu lejn il-pajjiż minħabba li jinsab fi stat ta’ gwerra ċivili. Dejjem sibtha ftit stramba din il-proposta. Imma issa jidher li l-imxija daħlet ukoll fil-Libja.

Sadattant, skont il-ministru Malti tal-affarijiet barranin Evarist Bartolo, hemm aktar minn 600,000 refuġjat fil-Libja li jridu jidħlu fl-Ewropa.

M’hemmx dubju li s-sitwazzjoni hi waħda splussiva. L-aktar mod “ħafif” biex tinħall kien ikun b’soluzzjoni militari, li iżda mbagħad warajha ġġib perikli ġodda. Madankollu mingħajr xi intervent qawwi minn barra dis-soluzzjoni mhix possibbli. Ħadd ma jrid jagħmlu – wara kollox il-Libja tinsab fil-qagħda tal-lum ħtija ta’ interventi militari qawwija minn barra.

Hu diffiċli tara kif il-Libja se tiżgiċċa mill-imxija mingħajr ma ssofri aktar danni milli diġà sofriet u qegħda ssofri. Il-poplu Libjan ma jixraqlux hekk.

Ekonomija

Sport