Friday, April 19, 2024

“Id-domanda għax-xirja online żdiedet b’erba’ darbiet”

Aqra wkoll

Inewsmalta titkellem ma’ Charles Borg li jmexxi l-operat tas-supermarkets PAVI u PAMA

Minn CLAUDIO COLEIRO

Minn meta faqqgħet il-kriżi tal-Covid-19, żdiedet sostanzjalment id-domanda biex wieħed jagħmel ix-xirja tiegħu online hekk kif aktar nies qed jevitaw milli jmorru supermarkets minħabba l-biża’ li jistgħu jieħdu l-virus. 

F’dan l-ambitu, Charles Borg, il-Kap Eżekuttiv ta’ PG Group li tinkludi fiha s-supermarkets PAVI u PAMA, qalilna li d-domanda li kellhom għax-xirja online “żdiedet b’erba’ darbiet aktar minn qabel.”

Is-Sur Borg beda billi tkellem dwar il-miżuri li ħadu, bħala żewġ supermarkets ewlenin f’pajjiżna, fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti b’riżultat tal-pandemija tal-coronavirus.

Huwa sostna illi mhux biss ħadu l-miżuri kollha li ġew rakkomandati mill-awtoritajiet tas-saħħa iżda saħansitra marru lil hinn minn hekk biex tkun imħarsa s-saħħa tal-impjegati kif ukoll tal-klijenti tagħhom.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet kollha li ngħataw kien hemm li l-impjegati jingħataw l-ingwanti, maskri, ikun hemm ‘plastic barriers’ quddiem il-kaxxiera, isir it-tindif regolari u sinjali mal-art minħabba s-‘social distancing’.

“Qed jittieħdu t-temperaturi tal-klijenti qabel ma jidħlu fis-supermarkets. Qed nagħmlu wkoll sinjali biex in-nies jaħslu jdejhom bil-hand sanitizer u niffumigaw iż-żona tal-kaxxiera u s-supermarket kollu,” qal is-Sur Borg. 

“Ħadna l-azzjoni biex niffumigaw is-supermarket kollu kull ġimgħa. Dan qed isir biex nieħdu ħsieb kemm il-klijenti li jidħlu ġewwa s-supermarket kif ukoll l-istaff tagħna.”

Is-supermarket PAMA fil-Mosta

Il-Kap Eżekuttiv ta’ PG Group tenna wkoll li ħadu miżura biex l-impjegati jibdew jaħdmu fuq bażi ta’ shift b’tali mod li dawn ma jkunux kollha xogħol fl-istess ħin.

“Din kienet miżura importanti, fejn naqsmu l-impjegati f’żewġ gruppi u b’hekk ma jiltaqgħux mal-grupp l-ieħor. Inkluż il-management, mhux qiegħed jiltaqa’ fiżikament fl-istess post. Hemm min qed jaħdem mill-uffiċċju u hemm min qed jaħdem mid-dar.”

“Kellna nimpjegaw nies ġodda”

Minħabba s-sitwazzjoni preżenti, il-Kap Eżekuttiv ta’ PG Group jgħid li kellhom jimpjegaw nies ġodda biex ikunu jistgħu jkomplu jagħtu s-servizz lill-klijenti tagħhom.

“Il-miżuri li qed nieħdu kemm għall-impjegati kif ukoll għall-klijenti jmorru lil hinn minn dak rakkomandat. Ir-raġuni hi li rridu nagħtu serħan tar-ras lill-klijenti kollha tagħna li meta jiġu biex jixtru kemm jista’ jkun ikollhom ambjent sigur u ma jidħlux nies f’daqqa,” qal is-Sur Borg li rringrazzja lill-klijenti tal-koperazzjoni u lill-istaff tal-ħidma tagħhom. 

“Nassigurak li m’għollejniex il-prezzijiet”

Intant, fl-isfond ta’ rapporti li kien hemm żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti, il-Kap Eżekuttiv ta’ PG Group qalilna li fil-każ tagħhom ma żdidux il-prezzijiet. “Nassigurak li fir-rigward tas-supermarkets tagħna, m’għollejniex il-prezzijiet ġenerali tal-prodotti tagħna iżjed u iżjed dawk essenzjali.”

Huwa żied jgħid: “il-mistoqsija hi: l-għażla tan-nies fejn qed taqa’? Għadhom jixtru l-istess? Il-basket għadu jkun l-istess? Ir-risposta hi Le. Illum qed jixtru affarijiet illi huma iżjed essenzjali.”

“Meta tmur is-supermarket ikun hemm ċertu ‘impulse buying’ fejn meta tkun għaddej, tara prodott u tixtrih. Illum dak l-impulse buying naqas ħafna u n-nies qed imorru għal prodotti li huma iżjed essenzjali.” 

Huwa żied li jekk kemm-il darba il-prezz minn barra jogħla, il-probabilità hi li hawn Malta jogħla wkoll “imma mhux li s-supermarkets qed japprofittaw miċ-ċirkostanza.”

“F’ċirkostanza bħal-lum meta għandek house-holds li jew qegħdin jitilfu l-impjieg tagħhom jew inaqqsulhom il-pagi, l-agħar ħaġa li tista’ tagħmel tgħolli l-prezzijiet. Bħala regola ġenerali, nista’ nassigurak is-supermarkets tagħna m’għollejniex il-prodotti tagħna.” 

“Qed nesploraw affarijiet oħra biex intejbu s-sistema online”

Is-Sur Borg tenna wkoll li l-komunità kollha tas-supermarkets ġewwa pajjiżna qegħdin f’diskussjonijiet regolari mal-Kamra tal-Kummerċ u qed jitkellmu wkoll mal-Malta Enterprise u l-awtoritajiet tas-saħħa, biex jaraw kif itejbu s-servizz tagħhom tal-online, fejn persuna tista’ tagħmel ix-xirja tagħha online.

Huwa qal li bħala PAVI u PAMA din l-offerta diġa’ kienu qegħdin joffruha iżda wara li faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, id-domanda għal dan is-servizz żdiedet notevolment. 

“Ma konniex preparati għal żieda sostanzjali daqshekk. Kellna problemi ta’ loġistika, li s-sistema minnha nnfisha ma kinitx tiflaħ għal żieda daqstant fil-volum. Kellna problema wkoll li ma kellniex biżżejjed nies biex jippreparaw il-basket.” 

Kemm-il darba il-prezz minn barra jogħla, il-probabilità hi li hawn Malta jogħla wkoll imma mhux li s-supermarkets qed japprofittaw miċ-ċirkostanza

Charles Borg

“Fuq l-online tagħna, l-għażla kienet kbira ħafna, ‘l fuq minn 15,000 prodott. Meta tagħti għażla bħal dik lill-klijenti tiegħek, biex timlih il-basket kienet qed tieħu ‘l fuq minn siegħa għal kull xirja. 

“Apparti dik trid tgħaddi għand il-kaxxier, tiskenjahom, tgħaddihom mill-cashing process u twassalhom. Il-proċess kien naqa twil. F’dawn iċ-ċirkostanzi ħdima ħafna flimkien mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ u n-nies tiegħu u wkoll fuq pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa għax qed jinsisitu u jħeġġuna ħafna biex insaħħu u ntejbu dan il-proċess.

“Fil-fatt tejjibna ħafna. Qed indaħħlu aktar nies u l-iżjed punt kruċjali li għamilna kien li naqqasna l-għażla tal-prodotti. B’hekk il-proċess sar ħafna iżjed effiċjenti. Qed nesploraw ukoll affarijiet oħra biex inkomplu ntejbu l-proċess,” tenna s-Sur Borg.

Huwa żied jgħid li x-xewqa tiegħu hi li jkunu f’pożizzjoni li jekk persuna tordna x-xirja tagħha llum, fl-istess ġimgħa din taslilha d-dar tagħha. “Qed naħdmu fuqha. Għadna ma wasalniex. Din hi kwistjoni ta’ kultura wkoll. Qed naħdmu fuq bidla kulturali. Aħna preparati biex għaż-żmien li ġej inkunu iżjed effiċjenti.”

Fl-aħħar nett staqsejnieh jekk jarawx lok li jkun hemm tibdil fil-ħinijiet tax-xogħol tal-impjegati, fid-dawl li kien hemm issuġġerixxa li jitnaqqsu l-ħinijiet, huwa qal li: “jien naħseb li taħdem bil-maqlub li tnaqqas il-ħinijiet għax ikollok iżjed kjuwijiet u nies f’ħinijiet iqsar. Kif qegħdin naħdmu, niftħu fit-8.00 a.m. u nagħlqu fit-8.00 p.m., għandek 12-il siegħa kuljum inkluż weekends fejn tista’ tmur u tagħmel ix-xirja tiegħek fi xħin trid.”

Sport