Friday, May 3, 2024

“Devastanti”: L-agħar qtil tal-massa fil-Kanada fi 30 sena bi 17-il-persuna kkonfermati mejtin

Aqra wkoll

F’dak li qed jiġi deskritt bħala l-agħar qtil tal-massa fl-istorja tal-Kanada, raġel liebes bħala pulizija qatel 17-il persuna waqt li kienu f’darhom fil-provinċja ta’ Nova Scotia.

Il-persuni nqatlu fuq medda ta’ 12-il siegħa qabel ma l-awtoritajiet Kanadiżi identifikaw lill-aggressur bħala Gabriel Wortman ta’ 51 sena. Wortman kien saħansitra żebaħ lill-karozza tiegħu biex tkun identika għal karozza tal-pulizija.

Fost il-vittmi kien hemm uffiċjal tal-pulizija mara, il-kuntistabbli Heidi Stevenson, omm ta’ żewġt itfal li kienet ilha sservi fil-korp għal 23 sena. Uffiċjal ieħor tal-Pulizija safa midrub.

L-awtoritajiet Kanadiżi għall-ewwel qalu li kienu arrestaw lil Wortman, madankollu aktar tard qalu li dan kien miet. Huma ma taw l-ebda dettalji x’wassal biex ir-raġel imut.

Dan il-massakru huwa l-agħar wieħed tax-xorta tiegħu fil-pajjiż mindu fl-1989 raġel kien qatel 15-il mara f’Montreal.

F’April tal-2018 raġel kien tajjar u qatel intenzjonalment lil għaxar persuni f’Toronto.

Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau ddeplora l-qtil u ddeskrivih bħala “sitwazzjoni terribbli u devastanti”.

Intant għadu mhux magħruf x’seta’ kien il-mottiv li wassal lil Wortman iwettaq dan il-qtil tal-massa.

Sport