Saturday, December 21, 2024

Stimolu ekonomiku seba’ darbiet il-medja dinjija

Aqra wkoll

Fil-ġimgħat li ġejjin pakkett ieħor biex jistimula l-ekonomija

Minn VICTOR VELLA

Studju akkademiku ppublikat minn Centre for Economic Policy Research, network ta’ 1,500 ekonomista f’universitajiet Ewropej, jindika li pajjiżna huwa fost dawk li l-aktar qed jilqa’ ghall-effetti ekonomiċi tal-COVID-19. Dan l-artiklu jidher fit-tielet pubblikazzjoni tal-gurnal COVID Economics, li fost l-edituri tiegħu għandu ekonomisti rinomati mill-London School of Economics, Berkeley u Cambridge, u huwa miktub b’kollaborazzjoni globali minn lecturers f’università Amerika, fis-Sud Korea u fit-Turkija.

F’dan l-artiklu l-awturi jibnu indiċi tal-istimolu ekonomiku mogħti f’166 pajjiż. L-informazzjon miġbura tkopri l-pakkett ta’ miżuri fiskali meħuda mill-Gvernijiet, skemi biex jeħfief il-piż tad-djun kif ukoll jingħataw garanziji fuq djun ġodda kif ukoll miżuri oħra li jimpattaw l-ekonomija. Is-saħħa relattiva ta’ dawn il-miżuri huma kombinati ma’ xulxin permezz ta’ mmudellar statistiku halli jkunu jistgħu jitqabblu b’mod globali.

Skont l-istudju ta’ dawn l-ekonomisti barranin pajjiżna kellu l-ħames l-akbar risposta ekonomika għall-COVID-19, wara l-Iżvezja, l-Oman, il-Bahrain u l-Awstrija. B’kollox jirriżulta li l-istimolu f’pajjiżna jlaħħaq mal-14% tal-ġid nazzjonali meta wieħed jieħu l-miżuri kollha. Dan huwa akbar mill-pakketti offerti minn pajjiżi ferm akbar bħall-Ġermanja, l-Istati Uniti u l-Ġappun. Il-pakkett ta’ sostenn ekonomiku mhejji mill-Gvern huwa stmat li huwa seba’ darbiet akbar mill-medja madwar id-dinja.

L-istudju fil-ġurnal COVID Economics, b’hekk jagħti riżultati simili għal dawk mogħtija f’rapport magħmul il-ġimgħa li għaddiet mill-aġenzija  Ġermaniża ta’ ratings, Scope Ratings. Din kienet poġġiet lil pajjiżna  mal-ħames l-aqwa pajjiżi fid-dinja li kapaċi jagħmlu tajjeb għall-effett ekonomiku tal-COVID-19, fi studju li jkopri 63 pajjiż.

Anke l-Kummisjoni Ewropea din il-ġimgħa ppublikat tbassir li fih uriet li Malta ser ikollha impatt negattiv mill-COVID ferm anqas mill-medja Ewropea, u li kuntrarju għall-pajjiżi l-oħra pajjiżna ser jirkupra dan l-impatt b’mod totali fl-2021. Dan kien simili għal tbassir preċedenti magħmul mill-IMF, u jiġġustifika għalfejn tlett aġenziji tar-ratings, Standard & Poors, Fitch u Moody’s, ilkoll sostnew li l-prospetti għar-rating ta’ pajjiżna huma stabbli.

Din il-kunfidenza f’pajjiżna hija bażi soda għall-bidu tar-riġenerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern ser ikun iħabbar pakkett ieħor ta’ miżuri qawwija biex ikompli jagħmel l-istimolu ekonomiku f’pajjiżna fost l-aqwa fid-dinja.  

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport