Il-Papa Franġisku ppresieda l-quddiesa tal-funeral storiku tal-Papa Emeritu Benedittu XVI li ħalla din id-dinja sitt ijiem ilu. Minkejja li l-ammont ta’ nies kien ippjanat li jkun limitat, illum fi Pjazza San Pietru marru madwar 100,000 persuna fosthom membri tal-Kleru, iż-żewġ delegazzjonijiet tal-Ġermanja u l-Italja, kif ukoll numru ta’ Nsara. Id-Dekan tal-Kardinali, Giovanni Battista Re, mexxa l-quddiesa li tat l-aħħar tislima lil Ratzinger – il-Papa Ġermaniż li rreżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Fl-omelija tal-quddiesa l-Papa Franġisku ma semmiex isem il-Papa Emeritu Benedittu XVI għajr fl-aħħar parti li fiha rrefera għal Ġesù bħala l-“għarus” tal-Knisja u kien hawn li talab biex il-predeċessur tiegħu jingħata l-premju tal-ferħ etern meta jingħaqad mas-Salvatur fis-sema.
Fl-omelija sempliċi tiegħu l-Papa Franġisku baqa’ fuq livell skritturali fejn evita l-eloġji. Huwa qabad parti mill-Iskrittura li tgħid “Missier jien f’idejk nerħi ruħi” u rabatha mal-ħajja u l-ħidma ta’ Benedittu. Il-Papa Franġisku inkuda wkoll diversi kwotazzjojnijiet ta’ kitbiet mill-Papa Emeritu stess, fosthom dik tad-djalogu li Ġesù kellu ma’ Tumas meta wrieh il-pjagi fuq idejh. Dan għamlu b’messaġġ għas-sagrifiċċji u d-dedikazzjoni li għandna nuru lejn xulxin bħala Nsara.
“Anke aħna rridu nimxu mal-kliem tal-Mulej u nħallu f’idejn Alla lil dan ħuna,” kompla l-Papa Franġisku b’referenza għal Benedittu. Il-Papa preżenti spjega kif il-pastur li jdur għat-talb għas-saħħa divina, ukoll b’referenza għal kif kien jagħmel il-Papa Emeritu, huwa Alla li jieħu ħsiebu fejn jurih imħabba li ma tintilef qatt.
Kien hawn li l-Papa preżenti stieden għal talb minn dawk preżenti għal dak kollu li Benedittu kien għamel u ta lill-Knisja.
Benedittu, li matul ħajtu kien irrikonoxxa li kien dgħajjef u kellu huwa wkoll bżonn jitlob u lil min jitlob għalih, fl-aħħar ta’ mewt lissen il-frażi, “Mulej InħobboK” u fl-għażla tal-kitba mill-Vanġelu fil-funeral tiegħu, il-messaġġ huwa li Benedittu jintelaq f’idejn Ġesù b’fiduċja u fidi qawwija lejH.
Pajjiżna kien irrappreżentat mill-Ambaxxatur tagħna għall-Vatikan, Frank Zammit.
Fl-aħħar riti moqrija mill-Papa Franġisku, huwa ta r-ruħ ta’ Benedittu f’idejn Alla. Imbagħad it-tebut tiegħu ġie mbierek u mdawwar bl-inċens, rit li jsir b’rikonoxximent għad-dinjità tal-bniedem.
Wara l-quddiesa t-tebut tal-injam tal-Papa Emeritu Benedittu XVI ingħata l-aħħar tislima b’applaws kbir minn dawk preżenti u ttieħed għal difna privata fil-qabar li kien intuża għall-Papa Beatu Ġwanni Pawlu II. Hekk kif xtaq, Benedittu ndifen fl-istess qabar li kien intuża għall-ħabib kbir tiegħu Ġwanni Pawlu II qabel ma’ sar qaddis.
Il-Knejjes f’Malta daqqet il-qniepen bħala luttu u f’dawn il-ġranet huwa ppjanat li fil-parroċċi tkun iċċelebrata quddiesa għal ruħ il-Papa Emeritu Benedittu XVI. Matul il-Pontefiċe tiegħu huwa kkanonizza lil Dun Ġorġ Preca u żar pajjiżna biex ifakkar l-1950 anniversarju min-Nawfraġju ta’ San Pawl.