Monday, December 30, 2024

“Stqarrija selettiva intenzjonata biex tiżgwida”

Il-Ministeru għall-Finanzi b'reazzjoni għall-istqarrija tal-PN

Aqra wkoll

B’reazzjoni għall-istqarrija li ħarġet l-Oppożizzjoni dwar it-tmexxija u l-qagħda tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż, il-Ministeru għall-Finanzi qal li din hija waħda selettiva għall-aħħar filwaqt li hija intenzjonata biex tiżgwida.

Skont il-Ministeru l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tikkwota numri li jikkonċernaw id-dejn pubbliku tal-pajjiż mingħajr ma jingħata l-kuntest ekonomiku ta’ pajjiżna filwaqt li tħalli barra għal kollox il-kisbiet li rnexxielu jasal għalihom dan il-Gvern u li permezz tagħhom aktar persuni f’pajjiżna qed igawdu minn aktar dħul.

Qal ukoll li l-Oppożizzjoni qed tiżgwida u tqarraq ukoll meta tgħid li dan il-Gvern ċaħħad żidiet lil professjonisti f’setturi differenti. “Dan kien il-Gvern li din is-sena rnexxielu jikkonkludi numru rekord ta’ ftehimiet kollettivi li taw l-aqwa kundizzjonijiet u pagi li qatt kellhom il-ħaddiema fis-servizz pubbliku. L-allokazzjoni għall-pagi tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku din is-sena biss żdiedet bi kważi 20%”, kompla l-istqarrija tiegħu l-Ministeru.

Qal ukoll li dan apparti li l-investiment pubbliku laħaq livell rekord b’rata ta aktar minn 4% tal-prodott domestiku gross, l-aqwa rata mindu pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea.

Żied jgħid ukoll li l-Oppożizzjoni konxjament naqset milli ssemmi kif grazzi għat-tmexxija finanzjarja tal-Gvern, pajjiżna din is-sena reġa’ kellu l-aqwa rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u l-anqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro. Saħansitra fl-aħħar ġimgħat l-istituzzjonijiet internazzjonali bħall-IMF u l-Kummisjoni Ewropea qed ikollom jirrevedu ’l fuq it-tbassir tagħhom għal pajjiżna minkejja li dan diġà huwa ħames darbiet aqwa mill-medja Ewropea.

Sitwazzjoni differenti ferm mis-sitwazzjoni ekonomika li ħalliet l-Oppożizzjoni fl-2013 fejn id-dejn nazzjonali kien 70% tal-ġid nazzjonali. B’kuntrast illum dan huwa biss qrib il-50%.

Ferm differenti wkoll huma l-kisbiet li qed jasal għalihom dan il-Gvern fosthom permezz ta’ Budget għas-sena d-dieħla li riċentament kien approvat mill-Kummissjoni Ewropea u b’hekk ċertifikat ieħor pożittiv tat-tmexxija tal-finanzi pubbliċi f’pajjiżna. L-Oppożizzjoni taf sew l-importanza ta’ dan hekk kif meta kienet hi fl-amministrazzjoni tal-pajjiż, il-budget tagħha kien jintbagħat lura mill-Kummissjoni bi struzzjonijiet biex jittieħdu miżuri ta’ awsterità sabiex jagħmlu tajjeb għat-tmexxija ħażina tal-finanzi pubbliċi.

“B’differenza din is-sena f’Budget approvat mill-ġdid mill-Kummissjoni Ewropea, dan il-Gvern wassal l-akbar żidiet fl-istorja fiċ-Children’s Allowance u fil-pensjonijiet. Dan minbarra tisħiħ qawwi f’benefiċċji ġodda li ddaħħlu minn din l-amministrazzjoni stess, bhall-Carer’s Grant u l-Benefiċċju Addizjonali kontra l-Għoli tal-Ħajja”, temmet l-istqarrija tal-gvern.

Ekonomija

Sport