Sunday, November 24, 2024

Strateġija edukattiva ġdida bil-għan li jissaħħaħ l-Ilsien Malti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-istrateġija l-ġdida dwar l-edukazzjoni, li l-Gvern f’dawn l-aħħar jiem nieda konsultazzjoni dwarha, għandha twassal biex diversi inizjattivi jitwettqu fosthom tisħiħ tal-lingwa Maltija bħala suġġett ewlieni bil-għan li mhux biss tkun protetta imma wkoll priservata l-kultura ta’ pajjiżna.

Fil-fatt, din kienet waħda mill-miżura ewlenin fl-istrateġija nazzjonali dwar l-edukazzjoni għas-snin li ġejjin. Biex dan il-għan jintlaħaq se jitwaqqaf grupp ta’ ħidma li l-għan ewlieni tiegħu se jkun li janalizza l-isfidi li qed jaffaċċja bħalissa l-ilsien Malti u l-metodi ta’ tagħlim fil-livell obbligatorju. Dan ukoll għandu jwassal għal pjan ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi li jeżistu u dawk li għad iridu jinħolqu.

B’dawn il-miżuri, il-Gvern qiegħed jara wkoll li titjieb il-kwalita tar-riżorsi awdjo-viżivi immirati kemm għall-Maltin u anke għall-barranin fl-istess waqt li jkunu inkorporati miżuri oħra interni amministrattivi sabiex jinfurzaw l-użu tal-ilsien Malti kif ukoll l-introduzzjoni ta’ kontenut diġitali dwar il-lingwa Maltija.

Ta’ min jgħid illi l-President tar-Repubblika Dr George Vella, ilu żmien jenfasizza l-importanza li jkunu priservati l-Ilsien Malti u l-kultura tagħna għaliex dawn huma li jagħtu karattru u identita lil pajjiżna.

Minbarra l-ilsien Malti, se jiġi rivedut ukoll il-kurrikulu nazzjonali sabiex dan ikun jirrifletti l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-futur. Dan jinkludi strateġija komprensiva dwar il-litteriżmu fil-Matematika li tidentifika, tistħarreġ u tindirizza l-isfidi fil-livelli kollha sa dak terzjarju.

L-istrateġija nazzjonali dwar l-assessjar se tkun ibbażata fuq riċerka fl-edukazzjoni xjenza-newroloġika bil-għan li jintlaħaq l-ogħla livell. Għan ieħor huwa dak li jiżdied il-ħin għall-qari sa minn eta bikrija.

Sport