Saturday, December 14, 2024

Strateġija li mistennija ttejjeb l-infrastruttura għall-għadis

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fid-dawl li s-settur tal-għadis f’pajjiżna jidher li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed jikber fil-popolarità, tinħass il-ħtieġa li dawk kollha involuti f’dan il-qasam ikun hemm kordinament bejniethom. Dan sabiex ikompli jissaħħaħ is-settur kif jidher li se jsir, anke permezz ta’ strateġija nazzjonali li ġiet imnedja fl-aħħar jiem. 

Dwar dan u aktar tkellimna ma’ Simon Sciberras li huwa ċ-Chairperson tal-Iskejjel tal-Għadis Professjonali li enfasizza l-bżonn ta’ din l-istrateġija li taħseb għall-gżejjer Maltin kollha. Fiha hemm numru ta’ azzjonijiet li jwasslu biex l-industrija msemmija tkun waħda li tippremja l-kwalità u s-sostenibbiltà.

L-istrateġija tindirizza wkoll l-isfidi tal-ġurnata kkawżati mill-pandemija, it-tisħiħ tal-prodott Malti u l-isfruttar tal-vantaġġ kompettiv li għandhom il-gżejjer Maltin f’din in-niċċa turistika. 

Sciberras, li ilu f’din l-industrija għal dawn l-aħħar 15-il sena, qalilna li l-pjan jaħseb biex siti għall-għadis jingħataw titlu biex b’hekk jagħmilha aktar faċli li jsiru ċertu xogħlijiet ta’ infrastruttura meta l-għaddasa jiġu biex jidħlu u joħorġu minn dawn il-postijiet. 

Huwa nnota li kien hemm żieda fost id-dilettanti tal-għadis li żaru Malta fis-snin ta’ qabel faqqgħet il-pandemija. Fil-fatt, bejn l-2010 u l-2019 kważi tripplaw in-numru ta’ turisti li niżlu jgħoddsu fiż-żjara tagħhom f’pajjiżna. 

Qal li għad baqa’ xi kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati bħal pereżempju fil-Ponta tar-Reqqa f’Għawdex fejn hemm madwar ħames siti tal-għadis u għad hemm problema ta’ aċċess. Huwa qal ukoll li l-Ministeri konċernati ġew infurmati b’dan u se jagħtu l-widen għal ilmenti bħal dawn.

Huwa tenna li l-pandemija tant laqtet ħażin lil dan is-settur biex fl-2020 il-maġġoranza taċ-ċentri tal-għadis sofrew telf ta’ bejn 50 u 75% fid-dħul tagħhom filwaqt li fIs-sena ta’ wara, kien hemm telf ta’ bejn 25 u 50%. 

“L-iskema li ħareġ il-Gvern tal-vouchers għall-għadis kienet vitali l-istess bħas-suppliment tal-pagi li għenu biex il-ħaddiema jinżammu fl-impjieg tagħhom.

“Din is-sena jidher li dan is-settur se jibda jirkupra għalkemm b’mod xi ftit kajman. Il-bookings reġgħu qed jidħlu anke fl-aħħar ħinijiet,” qalilna Sciberras. 

Huwa kompla jgħid li: “l-iscuba diving mil-lat turistiku huwa importanti ħafna. Qed ingawdu riżorsa abbundanti ħafna li huwa l-baħar. Irridu nagħmlu aktar biex nipproteġuh. Il-kwistjonijiet li għandna huma l-aktar fuq infurzar fejn jidħlu l-liġijiet tas-sajd… aktar żoni protetti ħalli l-ħut intuh ċans jikber u jitkattar.”

“Il-pjan jidħol ħafna fid-dettall fis-siti tal-għadis biex inżommuhom ta’ ċertu livelli ogħla. Aħna qed nikkompetu ma’ pajjiżi kbar bħall-Greċja, Ċipru u Spanja. Iktar ma tagħmel dawn is-siti attraenti, mingħajr inkwiet għall-għaddas biex jinżel jogħdos, aktar ikollna rispons pożittiv u dawn iktar jerġgħu jiġu,” temm jgħid Sciberras. 

Ekonomija

Sport