Thursday, December 26, 2024

Strateġija nazzjonali ta’ diġitizzazzjoni għall-kultura u l-wirt nazzjonali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali José Herrera ngħaqad mal-Ministru għall-Edukazzjoni, il-Kultura, l-Isport, u ż-Żgħażagħ Ċiprijott bil-ħsieb li jimbotta għal allokazzjoni akbar ta’ fondi Ewropej lejn id-diġitizzazzjoni ta’ elementi kulturali u patrimonjali għal stati membri żgħar li jiddependu ħafna fuq it-turiżmu, bħal Malta u Ċipru.

Fil-webinar organizzat b’suċċess li kien jinvolvi aktar minn 500 parteċipant minn madwar id-dinja, iż-żewġ ministri qablu li l-fondi mill-Fond ta’ Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija (COST) għandhom jintużaw biex jiġu adattati attivitajiet tradizzjonali li jiġġeneraw dħul għall-mużewijiet u siti ta’ wirt storiku f’kuntest soċjali wara COVID-19.

“Id-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali tagħna se jkollha rwol ewlieni biex niżguraw li l-aġenziji kulturali tagħna jegħlbu din il-maltempata”, enfasizza l-Ministru José Herrera. “Il-missjoni ta’ Heritage Malta mhix biss li tippreserva, iżda wkoll li tinnova u tlaħħaq maż-żminijiet anke fi żminijiet inkwetanti bħal ma qegħdin ngħixu. Irridu nibqgħu mpenjati li nieħdu l-passat tagħna fil-futur”, kompla l-ministru, filwaqt li rrimarka li Malta se tibda taħdem biex tistabbilixxi strateġija ta’ diġitizzazzjoni għall-kultura u l-wirt nazzjonali ta’ Malta

Matul dan il-webinar, l-MEP Miriam Dalli kkonfermat l-appoġġ tagħha għall-inizjattiva konġunta bejn Malta u Ċipru, u ddikjarat li huwa approċċ meħtieġ imfassal apposta għall-gżejjer iżgħar u periferali. “Il-mużewijiet tagħna qegħdin naħsbu mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom biex jadattaw għan-normal il-ġdid – l-UE għandha bżonn tagħmel l-istess biex tissalvagwardja l-membri kollha tagħha.”

Russell Muscat, li huwa l-persuna li tmexxi l-qasam ta’ diġitizzazzjoni ġewwa Heritage Malta, irrimarka li x-xejriet osservati matul l-aħħar ġimgħat juru l-ħtieġa li jibqgħu jiġu pprovduti servizzi u inizjattivi innovattivi biex il-pubbliku jinżamm involut. “Ir-risposta matul l-aħħar ġimgħat kienet pożittiva”, sostna s-Sur Muscat, “madanakollu, issa rridu nesploraw kif nistgħu nagħmlu din ir-realtà ġdida ekonomikament sostenibbli”.

Filwaqt li fakkru li Malta u Ċipru għandhom ħafna xebh u bżonnijiet, iż-żewġ ministri qablu li l-pandemija COVID-19 kompliet tenfasizza l-ħtieġa ta’ solidarjetà Ewropea vera fuq kull lat u mexa ‘l quddiem l-impenn tagħhom biex jissalvagwardjaw il-wirt komuni tagħhom fil-Mediterran. 

Ekonomija

Sport