Thursday, April 25, 2024

Street Talk: Kunċett ġdid, innovattiv u qrib in-nies

Aqra wkoll

“Avventura ġdida għalija li qatt qabel ma kont fiha” – Darren Marmara

Għandu għal qalbu l-politika. Kien iservi bħala sindku fil-lokalità tal-Fgura li inċidentalment jiġi wkoll raħal twelidu. Ippreżenta diversi programmi fuq stazzjonijiet lokali fejn is-suġġett hu dejjem wieħed. Il-politika u kif wieħed jista’ jirranġa l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Iħobb jiddiskuti temi attwali li jkunu qed jolqtu lill-poplu Malti inġenerali.

Jismu Darren Marmara, li llum il-ġurnata għandu 39 sena u li kiseb esperjenza notevoli fil-politika minkejja l-età pjuttost żgħira tiegħu. F’moħħ Marmara ġiet idea verament sabiħa u innovattiva. Hu se jkun qed iwarrab temporanjament mal-ġenb il-programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni biex jimbarka f’avventura ġdida, din id-darba f’verżjoni online. Hu se jkun qed jippreżenta programm fuq is-sit elettroniku talk.mt bl-isem ta’ Street Talk.

Aħna ltqajna ma’ Marmara fejn spjegalna aktar fid-dettall dwar dan il-kunċett ġdid u innovattiv li se jkun qed jixxandar online u li se jasal mhux biss fid-djar tan-nies iżda anke fuq it-tablet, mobile jew laptop tal-individwu partikolari.

“Se nkunu qed inwarrbu ftit l-istudio li s-soltu nippreżentaw il-programmi tagħna u mmorru barra t-triq sabiex niltaqgħu man-nies. Din hi xi ħaġa friska u innovattiva u fuq kollox għalija avventura ġdida li qatt qabel ma kont fiha.”

YouTube video

Kif nafu s-sit elettroniku talk.mt beda jiġi segwit speċjalment bl-aħbarijiet kontinwi li jiġu aġġornati minn siegħa għal oħra. Huwa għalhekk li l-programm Street Talk se jkun qed jikkumplimenta dak li jsir b’mod miktub. Saqsejna lil Darren Marmara dwar il-kontenut ta’ dan il-programm.

“Aħna se nkunu qed immorru fil-post partikolari li jista’ jkun stabbiliment, triq jew pjazza u se niddiskuti man-nies ġrajjiet kurrenti. Ix-xenarju se jkun qed jinbidel kontinwament u miegħi se jkolli politiku jew opinjonist li se jgħinni f’din id-diskussjoni. B’hekk in-nies iktar se jkollhom ċans jirrelataw sew mal-ħajja attwali.”

“Street TALK se jinkludi diskussjonijiet relatat sew mal-ħajja tan-nies”

Darren Marmara

Marmara stqarr li l-politika tinteressah immens għax din hi xi ħaġa tan-nies. Għalhekk hu importanti li d-diskussjoni matura twassal ukoll għal titjib f’xi ħaġa li mhux bilfors sejra tajjeb. B’xorti ħażina, it-tendenza tan-nies hi dik li jippolitiċizzaw kull ħaġa li ssir u dan kollu ma joħloqx diskussjoni matura. Madankollu hu jemmen li s-soċjetà tal-lum il-ġurnata tgħallmet tiżen sew l-argumenti taż-żewġ naħat u tkun hi li toħroġ il-konklużjoni ta’ dak li qed iseħħ. Ma nistgħux naraw kollox tajjeb iżda fejn hemm il-ħażin, wieħed irid isaqsi mistoqsijiet pertinenti sabiex ċerti affarijiet jiġu indirizzati.

Iżda kemm sar importanti llum il-kontenut online?

“Illum it-teknoloġija avvanzat ħafna u l-kontenut online sar b’saħħtu wisq. Il-mbile sar prattikament l-uffiċċju virtwali tagħna għax bih tista’ tagħmel kollox, meta tqis li fil-bidu ġie vvintat biss biex iċċempel. Wieħed jista’ jieħu r-ritratti u l-videos, jaċċessa l-internet, jilgħab il-logħob, jikteb l-aġenda personali tiegħu u mitt elf ħaġa oħra. Għalija se tkun l-ewwel darba li se naħdem b’dan il-kunċett għax imdorri naħdem fuq it-televixin għalkemm nammetti li ninsab ferm eċitat għal dan kollu. Nemmen li bl-istil online, se nkun aktar viċin in-nies. Hi sfida li beħsiebni nilqagħha”

Iżda Darren Marmara, bniedem viċin in-nies u li jinteressah ħafna kif qed tevolvi s-soċjeta Maltija kif jaraha s-sitwazzjoni speċjalment fejn tidħol il-familja Maltija?

“Mingħajr ma niddrammatizzaw, kull soċjeta’ fid-dinja jkollha l-bidliet tagħha. Madankollu l-bniedem dejjem baqa’ bl-istess stil ta’ ħajja iġifieri dik li jrid jgħix kwalita ta’ ħajja aħjar u għalhekk jaħdem għal għixien tiegħu. Hu veru li llum il-ġurnata l-isfidi żdiedu forsi għax is-soċjeta’ qed tistenna aktar mingħandna jew minħabba ‘l hekk imsejħa neċessitajiet li donnhom żdiedu wkoll.”

Marmara jgħid li fejn qabel wieħed kien isemmi l-faqar għal xi ħadd li forsi ma kellux flus, illum dan il-kunċett donnu nbidel ukoll anzi twessa’ hekk kif illum nitkellmu dwar faqar ta’ edukazzjoni jew inkella nuqqas ta’ kumditajiet bażiċi li rridu ngħixu bihom. B’xorti tajba, il-familja Maltija baqgħet iżżomm il-bażi tagħha għalkemm il-ħajja saret wisq mgħaġġla u l-valuri bdew jixxekklu ftit. Hawnhekk Marmara irrimarka kemm hu importanti li nżommu dawk it-tradizzjonijiet li jgħaqqduna bħala Maltin minkejja kull diffikulta’ li tista’ tinħoloq.

Meta tkellimna dwar il-kunċett tal-politika u kemm din tgħin sabiex ikun hemm ġustizzja soċjali, Marmara wieġeb billi qal li l-politika minnha nnifisha hi għodda u mezz li kull politiku jitla’ fuqha biex jaċċerta li l-ħajja tan-nies tkun aħjar. Għalhekk wieħed jista’ wkoll juża’ l-aġġettiv nobbli meta nitkellmu dwar dan il-kunċett tal-politika.

“Jien nara li n-nies ma jistgħux jgħixu mingħajr politiċi u viċe-versa. Kulħadd għandu bżonn lil xulxin. Hi katina ferm importanti.”

Darren Marmara, preżentatur tal-programm STREET TALK

Minkejja li ssib nies li jgħidulek li mhux interessati fil-politika, fil-verita’ kull deċiżjoni li jieħdu l-politiċi jiġu effettwati minnha, jridu jew ma jridux. Eżempju ta’ dan huma t-taxxi jew xi benefiċċji li l-gvern minn żmien għal żmien jista’ jdaħħal u li jeffettwaw il-ħajja tan-nies. Għalhekk hu importanti li n-nies jeleġġu lil dawk id-deputati li jixirqilhom ikunu fil-parlament.

Insaqsu lil Darren Marmara dwar kemm għenitu l-esperjenza fil-kunsill lokali tal-Fgura, l-ewwel bħala viċi-sindku, imbagħad bħala sindku.

“Nista’ ngħidlek li ż-żmien li qattajt fil-kunsill lokali, kien l-isbaħ żmien ta’ ħajti għax għallmitni ħafna affarijiet minbarra li resqitni viċin in-nies. Għamilt tliet leġislaturi b’kollox. Ħadt pjaċir inservi lir-residenti u minkejja li issa m’għadnix iktar parti minn dan il-kunsill, xorta waħda għadni f’kuntatt magħhom apparti li jien nieħu gost nissoċjalizza.”

Iżda jista’ jkun li Marmara jerġa jirritorna fil-politika u eventwalment jikkontesta elezzjoni ġenerali?

“Kollox jista’ jkun! Jien bniedem li ma tantx naqta’ qalbi! Jien miftuħ għal kull diskussjoni apparti li jekk il-partit isejjaħli, jien lest li nservi. Ovvjament jien umli biżżejjed biex naċċetta l-istedina speċjalment jekk jixtiquni naqdi funzjoni partikolari. Ħadt sehem f’ħafna elezzjonijiet interni fil-partit apparti li fil-politika hawn ħafna opportunitajiet.”

Marmara spjegalna wkoll dwar id-dinamika ta’ dan il-programm online ġdid bl-isem ta’ Street Talk. Bħalissa hu qed jitkellem ma’ diversi persuni sabiex jippjana l-loġistika tal-affarijiet speċjalment fejn se jsir il-filming. Hemm ħsieb li jkun hemm filmati mill-karozzi, waqt li jkunu mexjin u f’post strateġiku partikolari. Il-programm se jkun imxandar darba fil-ġimgħa u l-isbaħ ħaġa hi li kulħadd jista’ jarah fil-kumdità tal-ħin tiegħu minħabba li se jibqa’ online fil-mezzi soċjali ewlenin. Għalhekk l-organizzazzjoni ta’ dan il-programm qed issir bir-reqqa kollha sabiex il-prodott finali joħroġ kif suppost, b’kontenut awtentiku iżda fuq kollox innovattiv.

Fl-aħħarnett tlabna lil Darren Marmara jantiċipa xi suġġetti li jistgħu jiġu diskussi f’dan il-programm.

“Ma tantx se nantiċipa ħafna iżda wieħed żgur se jsemmi s-suġġett tal-elezzjoni ġenerali li tiġi meta tiġi se taħbat mal-programmazzjoni ta’ Street Talk. Madankollu se nippruvaw immissu temi attwali li jolqtu lilna l-Maltin fosthom l-immigrazzjoni irregolari, is-sitwazzjoni fil-ħabs, il-Yacht Marina proposta f’Wied il-Għajn u l-ambjent. Ma ninsewx ukoll il-budget li se jaħbat fil-11 t’Ottubru li se jkun ukoll l-aħħar wieħed ta’ din il-leġiżlatura.”

Finalment Marmara temm jgħid li dan il-programm se jkun wieħed għal kulħadd u għalhekk jittama li jolqot il-gosti ta’ dawk li jħobbu jisimgħu diskussjoni tajba.

Sport