Sunday, December 22, 2024

“Strument ieħor biex inwasslu l-anzjani fl-isptarijiet u l-klinika ta’ Birkirkara”

Inawgurata vettura elettrika ġdida għar-residenti ta’ Ħal Lija

Aqra wkoll

Permezz ta’ fondi tal-LESA nxtrat vettura elettrika mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija. Din il-vettura se tintuża mir-residenti u mill-anzjani ta’ Ħal Lija għall-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum, fosthom appuntamenti mediċi fl-isptar u l-poliklinika. Il-LESA ħarġet is-somma ta’ €25,000 għal din il-vettura.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li l-LESA qed tkompli tkun strumentali sabiex tkun ta’ sostenn għall-komunitajiet tagħna. Fil-fatt, il-lokalità ta’ Ħal Lija hi waħda mill-ħafna lokalitajiet li applikaw għall-fondi tal-LESA, liema fondi ġejjin mit-taħrikiet. “Il-LESA qed tibqa’ tinvesti f’diversi proġetti li minnhom tgawdi l-komunità. Bi sħab mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija nxtara dan il-vann tal-elettriku, li ma jħammiġx l-ambjent, li se jagħti servizz lill-anzjani u lil persuni oħra u jwassalhom f’diversi postijiet essenzjali fosthom biex jattendu appuntamenti mediċi. Se jibqa’ jkun hemm dak l-impenn li nibqgħu ninvestu fil-komunità bi sħab ma’ diversi kunsilli lokali”, qal il-Ministru Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-kunsill lokali li għaraf il-ħtieġa ta’ aktar aċċessibbiltà għar-residenti madwar Ħal Lija u għamel użu tajjeb minn dawn il-fondi addizzjonali sabiex jindirizza dan il-bżonn. “Dan is-servizz kien beda jingħata għall-ewwel darba fil-lokalità ta’ Bormla meta jien kont sindku u hu ta’ sodisfazzjon għalija li nara dan is-servizz jingħata f’aktar lokalitajiet, għaliex jagħti aċċess faċli lir-residenti għas-servizzi neċessarji ta’ kuljum”, saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku ta’ Ħal Lija, Anthony Dalli, qal li dan hu investiment tal-kunsill lokali bi sħab mad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u l-LESA. “Dan hu strument ieħor biex inwasslu l-anzjani tagħna fl-Isptar Mater Dei, il-klinika ta’ Birkirkara u l-Isptar San Luqa. Dawn il-vjaġġi se jsiru bil-għajnuna tal-impjegati tal-kunsill li nwasslu dawn l-anzjani għall-qadi tagħhom”, temm jgħid is-Sindku Dalli.

Ekonomija

Sport