Bil-mod kif sejrin l-affarijiet, l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea qegħdin jitwessgħu biex jinkludu fihom funzjonijiet li jkopru ħidmiet mifruxa ta’ sigurtà u difiża. Biex tassew ikunu effettivi, dawn il-funzjonijiet iridu finalment jieħdu sura federali.
Se jkun hemm min igħid: L-istess ħaġa kienet tintqal meta bdiet tinbena ż-żona tal-ewro. Imma dil-binja baqgħet tielgħa u sal-lum, ma titmexxiex fuq bażi federali imma skond metodi differenti żviluppati mill-Unjoni.
Biss, hemm differenza sostanzjali bejn it-tmexxija ta’ munita għall-kontinent u t-tmexxija ta’ politika kontinentali għal sigurtà u difiża. Tat-tieni tirrekjedi impennji ta’ nies u ta’ binja infrastrutturali madwar il-produzzjoni u x-xiri ta’ armamenti u t-tagħmir tal-gwerra, b’kollox marbut f’dutrina strateġika militari. Ninsabu bogħod milli jintlaħaq dan l-għan, imma loġikament hu li jrid jintlaħaq.
Jidhirli żball enormi li dan l-iżvilupp qed jitwettaq minn ġol-istrutturi tal-Unjoni. Messu jitfassal u jinħadem fi ħdan Unjoni Ewropea tad-Difiża, separata mill-Unjoni Ewropea, bħal ma kien qed isir fil-bidu tas-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor.
KALKOLI TA’ GWERRA
Fil-kalkoli li qed isiru mill-Istati Uniti u mill-Iżrael, kif ukoll mill-Iran, hemm fattur wieħed li donnu jingħata l-anqas importanza: l-imwiet. Kull naħa tfittex li tnaqqas kemm tista’ l-impatt tal-imwiet fost in-nies tagħha u fir-realtà ftit jimportaha mill-imwiet tal-partijiet l-oħra. B’hekk, nisimgħu dwar l-imwiet ta’ Iżrael u l-Istati Uniti, u kważi xejn dwar dawk fl-Iran u imkejjen oħra, allavolja ta’ naħa tgħoddhom fuq il-ponot ta’ subgħajk, u tal-oħra, fil-mijiet jew l-eluf – fil-maġġoranza tagħhom nies ċivili.
Fi gwerra wara l-oħra… u donnhom il-gwerer qed jiżdiedu, l-aqwa kalkoli dwar suċċess u rebħ isiru fuq il-bażi tal-ftit imwiet li jġarrbu n-nies tiegħek, u l-bosta u bosta imwiet li jsofri l-għadu.
BEJGĦ U DISTRIBUZZJONI
Għalkemm is-settur li konna nsejħulu tal-bejgħ bl-imnut, immodernizza qatigħ u nbidel strutturalment b’mod li m’għadux jingħaraf, xorta ta’ spiss wieħed jinnota kif fil-punti ta’ bejgħ, il-bejjiegħ donnu ma jagħtix attenzjoni biżżejjed għal xi l-konsumatur jixtieq jagħżel. Meta linja ta’ prodott tinbiegħ malajr, minflok jinħarġu aktar minnha, tiġi mbottata linja simili imma differenti (bħall-aħdar minflok il-blu) u tinżamm għall-bejgħ anke jekk ix-xerrejja juru anqas interess fl-aħdar.
Forsi dan jiġri għax il-bejjiegħ jew id-distributur ikunu kommessi jeħilsu minn volumi fissi ta’ blu u aħdar. Sakemm ibigħu l-aħdar kollu, ma jkunux lesti jordnaw aktar blu. Jew forsi bil-limitazzjonijiet taċ-ċokon tagħna mhux possibbli f’tebqa ta’ għajn li żżid il-provista ta’ blu. Hu xinhu, meta d-domanda tal-konsumatur ma tintlaħaqx skond kif turi ruħha, l-impressjoni tibqa’ li l-konsumatur m’għandux id-dritt tal-għażla.


