Sunday, December 22, 2024

Student f’Michigan joqtol tliet studenti oħra u jweġġa’ tmienja

Aqra wkoll

Tliet studenti nqatlu u tmienja oħra ndarbu, inkluż għalliem, fi sparatura fl-iskola sekondarja fl-istat Amerikan ta’ Michigan. Rapporti internazzjonali qalu li l-età ta’ dawk li ndarbu kellhom bejn 14 sa 17-il sena.

Uffiċjali qalu li fl-isparatura mietu tifel ta’ 16-il sena u żewġ tfajliet ta’ 14 u 17-il sena.

Il-Pulizija allegat li s-suspettat, li huwa student fl-iskola, uża pistola li missieru kien xtara nhar il-Ġimgħa.

Il-pulizija rċeviet telefonata ta’ emerġenza mill-iskola sekondarja fil-belt ta’ Oxford, madwar 40 mil (65km) minn Detroit, għall-ħabta tas-12:51p.m. ħin lokali.

Uffiċjali qalu li s-suspettat, tifel ta’ 15-il sena, ċeda ftit minuti wara li ssejħet l-għajnuna tal-pulizija.

Iż-żagħżugħ ma ġarrab l-ebda ġrieħi u ntqal li qabel ma bdiet l-isparatura huwa kien jinsab fil-klassi.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, uffiċjali qalu li l-mottiv tal-isparatura kien għadu ma ġiex determinat, u li s-suspettat ma kienx qed jikkoopera mal-awtoritajiet.

Ekonomija

Sport