Thursday, April 25, 2024

Abbużi fil-kunventi… bżonn ta’ permess biex imorru l-kamra tal-banju waqt iċ-ċiklu mestrwali tagħhom

Aqra wkoll

ktieb ġdid jitfa’ dawl fuq abbużi li jgħaddu minnhom sorijiet fil-kunventi

Meta sorijiet żgħażagħ f’kunvent fl-Ewropa tal-Lvant qalu lis-Superjura tagħhom li qassis ipprova jimmolestahom, hi weġbithom li l-probabbiltà x’aktarx li kienet it-tort tagħhom għax “provokawh”.

Meta s-sorijiet Afrikani f’Minnesota staqsew għala kienu dejjem huma li kellhom iqallbu s-silġ barra l-kunvent, ir-risposta li ngħataw kienet dik għax kienu żgħar u b’saħħithom. Dan intqal lilhom minkejja li f’dak il-kunvent kien hemm jgħixu wkoll sorijiet bojod tal-istess età.

Dawn huma ftit mill-istejjer li qed jinħarġu b’rabta ma’ abbużi fis-silenzju li sofrew għadd ta’ sorijiet. L-abbużi li qed joħorġu fil-beraħ huma dawk psikoloġiċi, emozzjonali u fiżiċi.

Dawn l-esperjenzi qed jiġu rakkuntati fil-ktieb ta’ Salvatore Cernuzio, bit-titlu ‘Veil of Silence’. Cernuzio jikteb għal  Vatican News, u dan il-ktieb hu approvat mill-awtoritajiet.

Cernuzio jirrakkonta esperjenzi ta’ 11-il mara u l-ġlidiet tagħhom. Huma kellhom jiffaċċjaw proċeduri jew sistemi fejn il-Madre Superjura u sorijiet anzjani jitolbu ubbidjenza totali, li f’xi każi jirriżultaw f’atti ta’ moħqrija u umiljazzjoni.

Marcela, li hi mill-l-Amerika t’Isfel u li ngħaqdet ma’ ordni ta’ sorijiet tal-klawsura fl-Italja 20 sena ilu meta kellha 19-il sena, tirrakkonta kif l-indottrinament kien tant strett li sorijiet żgħar fl-età kellhom bżonn permess biex imorru l-kamra tal-banju u jitolbu prodotti sanitarji waqt iċ-ċiklu mestrwali tagħhom.

Therese, mara Franċiża, qalulha “għandek tbati għal Ġesù” meta talbet li tiġi meħlusa xogħlijiet li kienu fiżikament impenjattivi minħabba kundizzjoni tad-dahar.

“Fhimt li lkoll konna qisna klieb,” irrakkontat Elizabeth, Awstraljana. “Jgħidulna biex noqogħdu u jkollna npoġġu, jgħidullna biex inqumu u nispiċċaw inqumu”.

Ta’ min jgħid li s-sena li għaddiet, Patri Giovanni Cucci kien kiteb artiklu importanti dwar l-abbuż fil-kunventi. Dan l-artiklu kien ġie pubblikat fil-ġurnal tal-Ġiżwiti Civilta Cattolica, li t-testi tiegħu huma approvati mill-Vatikan.

Huwa sab li ħafna minnu kien abbuż ta’ poter, inkluż episodji ta’ razziżmu bħal fil-kunvent ta’ Minnesota. Cucci kien qal li l-problema teħtieġ aktar attenzjoni għax kienet mittiefsa mill-abbuż sesswali tat-tfal mill-qassisin.

Ma’ dan tajjeb li wieħed ifakkar li fis-sena 2018, il-gazzetta tal-Vatikan Osservatore Romano kixfet il-qagħda tas-sorijiet barranin mibgħuta mill-ordnijiet tagħhom biex jaħdmu bħala ħaddiema tad-dar għall-kardinali u l-isqfijiet f’Ruma bi ftit jew xejn ħlas.

Sport