Raġel ta’ 29 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li stupra mara f’appartament tal-Airbnb f’Ħal Qormi.
Tony Quinon, student Franċiż, kien mixli wkoll li żamm lill-allegata vittma kontra l-volontà tagħha, li wettaq atti sesswali fuqha mingħajr il-kunsens tagħha u li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha.
Is-sieħeb tal-allegata vittma, li jinsab imsiefer, kien informa lill-Pulizija b’dak li allegatament kien ġara. Il-pulizija marru minnufih fuq il-post u hemm sabu lill-mara filwaqt li arrestaw lill-imputat.
Huwa mifhum li r-raġel kien ikkonvinċa lill-mara, li hija wkoll ta’ nazzjonalità Franċiża, biex jagħmlilha ‘back massage’ qabel allegatament sforza lilu nnifsu fuqha.
L-akkużat u l-allegata vittma kienu joqgħodu fl-istess appartament. Quinon wieġeb mhux ħati tal-akkużi u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Marshal Mallia u John Sammut. L-Avukat George Camilleri assista lill-imputat.