Saturday, December 21, 2024

Student tal-MCAST akkużat li ffilmja studenti oħra waqt li kienu fil-kamra tal-banju tal-Kulleġġ

Aqra wkoll

Student tal-MCAST, li għandu 18-il sena, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li ffilmja bil-moħbi studenti oħra waqt li kienu qed jużaw il-kamra tal-banju fl-istess Kulleġġ. 

L-istudent, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie mixli li ħa xi ritratti jew filmat sesswali privat mingħajr il-kunsens u b’użu ħażin ta’ apparat tal-komunikazzjoni elettronika.

Fil-Qorti ntqal li fil-mobile tiegħu nstabu filmati relatati ma’ żewġ individwi differenti, bil-prosekuzzjoni tgħid lill-Qorti li jistgħu jitressqu aktar vittmi. Preżenti fl-awla kien hemm ukoll il-familjari tal-imputat.

Il-Prosekuzzjoni qalet li kienet irċeviet rapport minn student ieħor li qal li l-akkużat kien qed jiffilmjah minn fuq it-toilet. Huwa kien żamm lill-imputat u informa lill-awtoritajiet b’dak li ġara. 

L-Avukat Difensur talab li l-klijent tiegħu jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest. Huwa qal li l-imputat bħalissa jinsab sospiż mill-iskola u li l-mobile tiegħu ġie kkonfiskat mill-pulizija u fih il-provi kollha.

Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx u huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €6,000. Il-Qorti poġġietu wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja u taħt ordni ta’ trattament. Huwa kien ordnat biex ma jersaqx lejn il-Kulleġġ. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri. L-Avukat Arthur Azzopardi deher għall-imputat. 

Ekonomija

Sport