Thursday, April 18, 2024

Żewġt irġiel arrestati fuq droga wara li nqabdu jsuqu vettura bla liċenzja

Aqra wkoll

Żewġt irġiel kienu arrestati wara li nstabu fil-pussess tad-droga wara li nqabdu jsuqu vettura mingħajr liċenzja. Kien ilbieraħ għall-ħabta tas-6.30 p.m. meta l-Pulizija mill-Għassa ta’ Ħal Qormi rċevew informazzjoni li fi Triq il-Kanun, Ħal Qormi, kien hemm vettura Hyundai li qed tinstaq mingħajr liċenzja.

Il-Pulizija marru fl-akkwati u ftit tal-ħin wara, fi Triq il-Belt Valletta, intlemħet il-karozza li kienet taqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat. Kien hawn fejn il-Pulizija mblukkaw it-triq bil-vettura tal-korp u waqqfu l-karozza. Iż-żewġ persuni li kienu fiha ntalbu joħorġu minnha u dak il-ħin ġie nnutat li l-liċenzja mwaħħla mal-ħġieġa tal-karozza kienet ta’ vettura oħra. 

Minn aktar stħarriġ, irriżulta li l-karozza ma kinitx koperta b’polza ta’ assigurazzjoni u mhux liċenzjata biex tinstaq fit-triq. 

Waqt li kien qed jagħmel tfittxija fil-vettura, is-Surġent tad-Distrett lemaħ arma tan-nar mal-art fuq in-naħa tax-xufier. Iż-żewġt irġiel kienu nfurmati li jinsabu taħt arrest u li se jsiru aktar tfittxijiet.

Fil-vettura, il-Pulizija sabet pouch b’ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti u bott li fih kien hemm madwar 60 qartas b’sustanzi suspettati kokaina u eroina. Fuq il-passiġġier instabet ukoll arma li taqta’ u bil-ponta. 

Aktar tard saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ wieħed mill-persuni arrestati bil-Pulizija tad-Distrett ikunu assistiti mill-Pulizija mit-Taqsima tal-Klieb. 

Iż-żewġt irġiel qed jinżammu fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit li fetħet inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin. 

Ekonomija

Sport