Monday, May 13, 2024

Student tal-MCAST b’talba sabiex jittieħdu passi kontra l-għalliem li allega li aggredih

Aqra wkoll

Avukati ta’ student fl-MCAST li allegatament ħebb għall-għalliem tiegħu waqt lezzjoni għamlu talba lill-Pulizija sabiex tinvestiga u tieħu passi kontra l-istess għalliem.

Huma ppreżentaw kwerela lill-Pulizija, fejn stqarru li l-istudent li għandu għoxrin sena jbati mill-kundizzjoni tal-ADHD. L-Avukati spjegaw ukoll li l-istudent kellu wkoll Learning Support Educator meta kien fis-sekondarja. 

B’referenza għall-inċident, huma allegaw li l-għalliem ken qed jumilja lill-istudent quddiem sħabu u li din ma kinitx xi ħaġa li ġrat darba biss. L-avukati tal-istudent iddeskrivew dan l-aġir bħala ibbuljar.

Huma qalu li dan kollu ħoloq stress emozzjonali fuq l-istudent waqt li akkużaw lill-għalliem li juża kliem baxx u indiċenti u għajjat bla bżonn fil-konfront tal-istudenti. Fl-istess kwerela, sostnew li fl-imsemmi inċident l-għalliem ma aċċettax li jiġi konfrontat miż-żagħżugħ dwar data ta’ meta kellu jħejji xi xogħol tal-iskola.

L-avukati rreferew għall-filmat miġbud minn student ieħor u qalu li fih l-għalliem jidher jgħajjat maż-żagħżugħ waqt li dan kien bilqegħda u wara jidher ukol jgħaffiġlu l-karti u jarmihomlu mal-art.

Huma żiedu li f’ħin minnhom il-filmat miġbud minn student jidher jiċċaqlaq u ma jidhirx x’ġara sakemm jerġa’ jidher l-istudenti dahru mal-ħajt ixejjer idejh biex, skont huma, jimbotta lill-għalliem minnu.

Waqt li insistew li kien l-għalliem li mbotta l-mejda fuq l-istudent u ħebb għalih l-ewwel, l-avukati żiedu li kien l-għalliem li pprovoka lill-istudent u sostnew li dan iddefenda lilu nnifsu.

L-avukati temmew jgħidu fil-kwerela li dan ma kienx aġir denju ta’ edukatur ġo istituzzjoni serja bħalma hija l-MCAST u għalhekk talbu lill-Pulizija tinvestiga u tieħu passi kontra l-istess għalliem.

Il-kwerela f’isem l-istudent kienet ippreżentata mill-Avukati Arthur Azzoppardi, Jacob Magri u Wilfrid Buttigieg.

Sport