Wednesday, July 24, 2024

Malta tfakkar il-45 anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien

Aqra wkoll

Malta llum fakkret il-45 anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien, il-festa nazzjonali li tfakkar il-31 ta’ Marzu 1979, ġurnata li mmarkat il-ħelsien tal-gżejjer Maltin minn kull qawwa barranija għall-ewwel darba fl-istorja tagħna. F’dan il-jum tidwi l-għajta ta’ ‘Malta Ħielsa’ – Kisba ta’ nazzjon li dejjem emmen fih innifsu u qatt ma beża’ jimxi ‘l quddiem.  

Preżenti għal din iċ-ċerimonja, li bħal kull sena ssir quddiem il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu attendew il-President Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li  qegħdu girlanda mal-monument. 

Is-soltu bħal-lum għall-ħabta tan-12.30p.m., kienet issir ir-Regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir organizzata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali bl-għajnuna ta’ SportMalta. Din is-sena b’differenza, peress li Jum il-Ħelsien ħabat mal-Għid il-Kbir, ir-Regatta saret fit-23 ta’ Marzu. 

Intant għada, għall-ħabta tal-10:30 a.m se tkun qegħda ssir il-parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta. F’din il-wirja, il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta mmexxija mill-Kaptan Jonathan Borg tesegwixxi numru ta’ kompożizzjonijiet lokali flimkien ma’ numru ta’ marċi li matulhom isiru diversi formazzjonijiet mill-istess membri tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Lejn l-aħħar tal-Parata l-Banda tesegwixxi “Lil Malta f’Jum il-Ħelsien” ta’ Mikis Theodorakis.

Ekonomija

Sport