Żagħżugħ Taljan ta’ 18-il sena kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għall-perjodu massimu permess mil-liġi, jiġifieri għal erba’ snin u mmultat €15,000 wara li tressaq il-Qorti t’Għawdex mixli b’vandaliżmu.
Il-każ seħħ it-Tnejn meta l-istudent ikkaġuna ħsara irreparabbli billi naqqax ittri fuq il-ġenb ta’ waħda mid-daħliet prinċipali fil-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija, iddikjarat mill-UNESCO bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji.
Huwa nqabad fil-fatt minn uffiċjal tas-sigurtà u immedjatament issejħu l-pulizija fuq il-post. Iż-żagħżugħ tressaq b’urġenza quddiem il-Qorti t’Għawdex ftit tas-sigħat wara, fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Heritage Malta, li f’dawn l-aħħar xhur għamlet investiment sostanzjali biex iżżid is-sigurtà fis-siti u l-mużewijiet tagħha, ikkundannat bla riżervi l-aġir taż-żagħżugħ filwaqt li esprimiet sodisfazzjon għall-intervent f’waqtu tal-uffiċjal tas-sigurtà involut fil-każ.