Alizee Estievenart, Belġjana ta’ 21 sena li qalet li waqt li kienet vaganza Malta kienet tgħix f’lukanda f’San Ġiljan, ammettiet quddiem il-Qorti li wettqet diversi serqiet.
Fil-Qorti ntqal li t-tfajla kienet daħlet f’ħanut tal-ġugarelli f’Bay Street u l-impjegata kienet innotata tisraq kaxxa. L-istess impjegata kienet ratha twettaq din is-serqa minn fuq CCTV. L-istess studenta aktar tard matul l-istess jum kienet reġgħet marret fil-ħanut liebsa l-istess libsa u kien hawn li l-ħaddiema ċemplu lill-pulizija.
L-istess uffiċjali tal-pulizija wara li tkellmu mat-tfajla għamlu tfjittxija fil-kamra tal-lukanda fejn kienet qed tgħix u sabu ħames bagalji li fost l-affarijiet li kien hemm sabu oġġetti bħal kotba, souvenirs u ġugarelli li aktar tard il-mara ammetiet li kienu misruqin.
B’kollox il-pulizija fil-bagalja sabu 15-il oġġett b’valur li kien jammonta għal €233. L-oġġetti kollha ġew irritornati lil ħwienet li minnhom ġew misruqa.
Quddiem il-Qort, il-Prosekuzzjoni qalet li l-Belġjana kkoperat bi sħiħ mal-pulizija u mill-ewwel ammettiet l-akkużi. Qalu wkoll li qabel qatt ma kienet wettqet reati kemm f’pajjiżna u anke f’Malta.
Hija ammetiet l-akkużi kontriha u ingħatat sentenza ta’ 10 xhur ħabs, sospiża għal sena.