Huwa stmat li iżjed minn 6 miljun student kull sena jmorru jistudjaw f’pajjiż ieħor. Joħolqu €191 biljun ta’ ħidma ekonomika. Minn dawk is-6 miljuni aħna qed ikollna ftit aktar minn 6,000 jistudjaw fostna fil-livell universitarju. Nofshom ġejjin minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, nofshom ġejjin mill-bqija tad-dinja, l-iżjed l-Asja, l-Afrika u l-Amerika Latina.
Sa ħames snin oħra n-numru ta’ studenti li jridu, u għandhom il-flus, biex jistudjaw f’pajjiżi, mistenni jitla’ għal 10 miljuni, l-aktar jekk ikollhom pedament edukattiv sod biżżejjed u ħakma tal-Ingliż jew tal-ilsien użat fejn imorru biex jistudjaw f’pajjiżi oħra.
Nofs l-istudenti jmorru f’universitajiet fl-Awstralja, fil-Kanada, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti.
Imma qed jiżdiedu wkoll dawk li jmorru jistudjaw iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Malasja, Spanja, ir-Russja, l-Olanda, it-Turkija u l-Korea t’Isfel. L-aktar studenti li qed jistudjaw f’pajjiżi oħra huma miċ-Ċina, l-Indja, il-Vjetnam u n-Niġerja.
Jekk naħdmu bil-għaqal, nieħdu ħsieb ir-reputazzjoni tagħna bħala destinazzjoni edukattiva, żgur li nistgħu niġbdu iżjed studenti barranin biex jistudjaw fostna. Kulma rridu tikka żgħira oħra mis-6,000,000 b’valur ta’ €191 biljun li kull sena jridu jistudjaw f’pajjiżi oħra. Imma biex nagħmlu hekk irridu niżguraw li noħorġu liċenzji biss u nħallu jaħdmu fostna lil dawk li jaħdmu bis-serjetà fil-qasam edukattiv internazzjonali.
Għandna istituzzjonijiet serji li qed joffru edukazzjoni tal-ogħla livell lill-istudenti li jiġu fostna. Jagħtuna isem tajjeb. Imma kemm qabel u kemm issa hemm min jabbuża u jinqeda bina biex jagħmel il-flus minn fuq dahar l-istudenti u fejn il-qligħ u n-negozju jiġu qabel l-edukazzjoni u l-ġid tal-istudenti.
Fl-istess ħin għandna bżonn ukoll inħaddmu sistema effiċjenti, onesta u ġusta ta’ ħruġ ta’ visa għal dawk ta’ rieda tajba li jkunu jridu jiġu jistudjaw fostna f’istituzzjonijiet edukattivi serji u ġenwini. Dawn l-istituzzjonijiet jiddgħajfu u anki jmutu jekk ma jitħallewx jiġbdu biżżejjed studenti serji biex ikunu vijabbli.
Fil-viżjoni u pjan ta’ Malta 2050 li qed jiġi mfassal, is-settur edukattiv internazzjonali, jista’ jkompli jikber u jiżviluppa, jekk inkunu serji, innovattivi u nifhmu l-bidliet edukattivi u teknoloġiċi internazzjonali biex nieħdu l-opportunitajiet kbar u ġodda f’dan il-qasam. Imma biex jiġri hekk iridu jaħdmu flimkien, b’mod serju u strateġiku l-awtoritajiet edukattivi, regolatorji, tal-ħruġ ta’ visas flimkien mal-operaturi għall-ġid tagħna u ta’ dawk li jagħżlu li jiġu jistudjaw fostna.
Insara u Misilmin flimkien
Għal aktar minn żewġ sekli, madwar elf sena ilu, l-Insara u l-Misilmin għexu flimkien f’Malta u aċċettaw lil xulxin. Il-gżejjer tagħna kienu pont fejn iltaqgħu ż-żewġ ċiviltajiet qabel ma l-Misilmin ġew imkeċċija minn Malta fl-1249 lejn Lucera fil-Pulja. Dawk li fadal hawn ippreferew isiru Nsara u jibqgħu jgħixu hawn. L-effett taż-żmien li għexu flimkien u aċċettaw lil xulxin, għadu jinħass sal-lum fl-ilsien tagħna.
Għalkemm il-Maltin saru Nsara, baqgħu jużaw kliem fir-relġjon Nisranija li jużaw il-Misilmin fl-Iżlam:
Allah – Alla, muqadas – imqaddes, ruh – ruħ, kanisa – knisja.
L-istoriku Charles Dalli jsemmi kliem ieħor: ramadan – randan, Eid-el-Fitr – Għid, Mawlid (it-twelid tal-Profeta Moħammed – Milied (it-twelid ta’ Ġesù Kristu), Jumu’ah (il-jum li fih jitolbu l-Misilmin) – il-Ġimgħa.
Mill-istess zokk
Dalli jemmen li l-Maltin bdew isiru Nsara bil-mod wara l-1091 meta n-Normanni rebħu l-gżejjer tagħna mingħand l-Għarab, anki bl-inċentivi tat-taxxi. Min isir Nisrani ma kienx iħallas taxxa li kellu jħallas min jibqa’ Mislem.
Dalli jgħid li aktarx li l-knejjes Insara bdew jinbnew fl-istess postijiet fejn kien hemm il-moskej qabel u li anki l-Kattidral tal-Imdina inbena flok l-akbar moskea li kien hemm fil-belt ewlenija dak iż-żmien.
Dalli jgħid li l-Insara u l-Misilmin Maltin għexu flimkien għal sekli sħaħ, bħala friegħi differenti ħerġin mill-istess zokk ta’ Abram, bħal Ġudajiżmu.
Photo Caption : Jekk nieħdu ħsieb ir-reputazzjoni tagħna bħala destinazzjoni edukattiva, żgur li nistgħu niġbdu iżjed studenti barranin biex jistudjaw fostna. Imma biex nagħmlu hekk l-Awtorita’ għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla MFHEA għandha toħroġ liċenzji biss u dħalli jaħdmu fostna lil dawk li jaħdmu bis-serjetà fil-qasam edukattiv internazzjonali, ma dħallix lil min jabbuża u jinqeda bina biex jagħmel il-flus minn fuq dahar l-istudenti u jġibu l-qligħ qabel l-edukazzjoni.
Il-gżejjer tagħna kienu pont fejn iltaqgħu ż-żewġ ċiviltajiet qabel ma l-Misilmin ġew imkeċċija minn Malta fl-1249 lejn Lucera fil-Pulja.