Friday, December 13, 2024

Studenti jipproponu aktar siġar madwar l-iskola

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Żewġ studenti mill-iskola sekondarja St Michael’s f’Santa Venera, li huma membri ta’ Ekoskola, qed jipproponu li jitħawlu aktar siġar madwar l-iskola li jservu ta’ pulmun fost benefiċċji oħra. 

Dawn il-proposti tressqu mill-istudenti Jerome Carabott u Matthew Sammut waqt sessjoni oħra tal-Ekoskola li saret illum fil-Parlament. L-Ekoskola hi inizjattiva minn Nature Trust Malta b’kollaborazzjoni mal-iskejjel tal-istat u dawk privati, tal-Knisja, indipendenti li huma favur l-ambjent. 

F’din l-istess sessjoni ħadu sehem studenti minn skejjel diversi, u anke membri parlamentari. L-istudenti mill-iskola St Michael’s qalu li żdied l-ammont ta’ traffiku li jgħaddi mit-triq ta’ quddiem l-iskola filwaqt li żdiedu wkoll il-fabbriki u tnaqqsu ż-żoni ħodor fil-madwar.

Qalu li kien għalhekk li nħass il-ħtiega li jsir studju dwar il-kwalità tal-arja madwar l-iskola, liema studju simili kien sar ukoll fil-passat. Għal xahar sħiħ, tliet tubi twaħħlu mal-iskola sabiex jiġbru informazzjoni fuq il-livell ta’ dijossidu ta’ nitroġenu. 

Minn dan l-istudju li sar bejn Ottubru u Novembru li għadda ħareġ li f’ħames minuti għaddew medja ta’ 140 vettura minn din it-triq. Apparti hekk, il-livell ta’ storbju minn quddiem is-siġar kien aktar għoli. 

Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, l-istudenti qed jipproponu aktar siġar li jservu kemm ta’ pulmun u kif ukoll benefiċċji oħra li jservu ta’ sound barrier naturali mill-istorbju tat-traffiku. 

Proposta oħra hi li l-Gvern ikompli jinċentiva bis-serjetà l-użu ta’ vetturi li jaħdmu b’enerġija li ma jniġġżux l-arja. “Fl-aħħar nieħdu gost li l-gvern qal li se jagħmel spazji miftuħa fil-qalba tal-irħula fosthom f’Santa Venera fejn waħda mill-proposti hi li tissaqaf il-mina ta’ Santa Venera u jsir ġnien,” qalu dawn l-istudenti.

“Ma nistgħux nkaxkru saqajna dwar it-tibdil fil-klima” 

L-istudent Neil Mizzi mill-Gozo College Secondary School tkellem dwar il-problema tat-tibdil fil-klima. Huwa qal li f’Novembru li għadda saret il-laqgħa tal-COP26 li matulha ħareġ li għalkemm sar progress għadna lura biex inserrħu rasna dwar din il-problema.

“Nafu li qed jitieħdu diversi inizjativi sabiex malta tagħmel parti tagħha biex jitnaqqas dan il-periklu imma għad fadal xi jsir. Bl-għajnuna tal-British High Commission matul is-sena skolastika li għaddiet kellna 6 mini summits li matulhom iddiskutejna diversi aspetti tat-tibdil fil-klima ma’ esperti bis-suġġett u ħriġna ideat dwar dak li jista’ jseħħ f’pajjiżna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Ġbarniehom fi ktieb u għaddejnieh lill-Whips tal-Partiti sabiex iqassmuh fost id-deputati kollha. Agħtu kas dawn is-suġġerimenti u wettquhom. Ma tantx nistgħu nkaxkru saqajna fuq din il-kwistjoni,” qal Mizzi. 

Sadanittant Hayley Xuereb li tattendi fl-istess skola pproponiet li l-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp jibda jiltaqa’ mal-Kumitati Reġjonali tal-Ekoskola biex jiddiskutu aspetti fuq l-ambjent tagħna. “Biex inkunu nistgħu nagħtu sehemna għal ġid ta’ pajjiżna nipproponu li nagħmlu dawn il-laqgħat għas-sena skolasitika li ġejja.”

Tkellmu wkoll l-istudenti mill-iskola Primarja tal-Isla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Marija, Zayan Ghirxi u Shanaya Bezzina, li semmew kif huma ħadmu dwar aktar eżerċizzju u favur aktar arja nadifa fl-iskola. Qalu li saret ħidma biex ikun hemm aktar pjanti madwar l-iskola u ġew maħtura tfal sabiex jaraw li l-iskart qed ikun separat u li d-dawl qed jintefa’ meta l-istudenti ma jkunux fil-klassi. 

Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia esprima sodisfazzjon li wara waqfa ta’ aktar minn sentejn minħabba l-pandemija reġa’ qed ikun hemm dan id-djalogu bejn l-istudenti u l-Membri Parlamentari dwar l-istat tal-ambjent f’pajjiżna u fid-dinja.

Qal li llum aktar mill-imgħoddi, il-ġnus qed iħarsu lil hinn mill-konfini ta’ pajjiżhom u jqisu lid-dinja bħala d-dar tagħna lkoll. Interessanti ħafna s-sehem li tat Malta fl-iżvilupp ta’ dan il-kunċett għad-dritt internazzjonali.

“Kull ġens, nazzjon u poplu huwa obbligat li jqis il-politika ambjentali tiegħu skont il-kriterji bażiċi u tant importanti ta’ kull forma fl-iżvilupp uman. F’dan ir-rigward, il-programm ta’ żvilupp tal-Ġnus Magħquda u l-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jagħmlu referenza għal dawk imsejħa Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). 

“Għandna naħdmu biex intejbu l-għajxien tal-foqra, inħabirku biex kull persuna jkollha fi-ddar ikel, il-kura mill-ifjen ta’ ħutna l-morda, edukazzjoni aċċessibbli għal kulħadd, xogħol diċenti lil kulħadd, investiment, nisħqu dwar politika internazzjonali favur il-paċi u l-ġustizzja.”

L-Ispeaker qal li pajjiżna minħabba ċ-ċokon tagħna jeħtieġ ikollu politika b’saħħitha li tħares l-użu sew tat-territorju, kemm l-art kif ukoll l-ibħra. Qal li jekk ma nagħrfux nagħmlu użu sew u bilgħaqal tal-art jew tal-ispazju fiżiku u nħarsu l-ibħra ta’ madwarna b’mod effettiv, kull nuqqas li jista’ jkun hemm jista’ jipperikola l-eżistenza tagħna bħala poplu u stat.

“Għalhekk għamlu kuraġġ esprimu ruħkom bla biża’, bla xkiel imma kunu oġġettivi f’dak li tgħidu u għarfu sew il-fatti,” qal l-Ispeaker fl-indirizz tiegħu lill-istudenti. 

Ekonomija

Sport