Thursday, December 26, 2024

Studenti Maltin jieħdu sehem fil-European Money Quiz wara li rebħu kompetizzjoni nazzjonali

Aqra wkoll

Amy Pizzuto, studenta ta’ St. Joseph School, Sliema, u Ryan Vella li jattendi De La Salle College, se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-European Money Quiz (EMQ) li se jsir fit-18 u 19 ta’ April fi Brussell.

Amy u Ryan ġew magħżula bħala r-rappreżentanti ta’ Malta wara li rebħu l-kompetizzjoni nazzjonali li kienet organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltija (MBA) b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Accounting u l-Business Studies fi ħdan id-Direttorat għall-Progammi STEM U VET tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-27 ta’ Frar. Din hija r-raba’ sena li ġiet  organizzata il-kompetizzjoni lokali biex jintgħażlu l-parteċipanti Maltin għall-finali tal-EMQ fi Brussell. Madwar 520 student minn 20 skola statali, tal-knisja, u indipendenti, ħadu sehem fil-kwizz fl-istess ħin bl-użu tal-pjattaforma Kahoot! għall-iskejjel.

L-EMQ jifforma parti mill-attivitajiet tal-European Money Week (EMW) li ssir kull sena f’Marzu. Organizzata f’aktar minn 30 pajjiż inkluż Malta, l-EMQ hija l-akbar kompetizzjoni madwar l-Ewropa kollha li għandha l-għan li ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju fost studenti bejn it-13 u l-15-il sena. L-EMQ ġie mniedi fl-2017 taħt il-koordinazzjoni tal-European Banking Federation (EBF) bħala inizjattiva għall-promozzjoni tal-edukazzjoni finanzjarja minn assoċjazzjonijiet bankarji nazzjonali fl-Ewropa.

Dan il-kwizz jipprovdi opportunita għall-istudenti biex jitgħallmu aktar dwar il-finanzi personali u għaldaqstant jixpruna l-ħiliet finanzjarji, filwaqt li żgħażagħ jieħdu gost flimkien. Jgħinhom jippreparaw għall-futur tagħhom f’dinja dejjem aktar diġitali bil-għan li jilħqu l-miri futuri tagħhom, kemm finanzjarji u personali.

Il-vjaġġ u l-akkomodazzjoni taż-żewġ studenti li se jingħaqdu mar-rappreżentanti oħra mill-pajjiżi kollha parteċipanti fil-finali tal-EMQ fi Brussell, qed jiġu ffinanzjati mill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltija. 

Ekonomija

Sport