Sunday, December 22, 2024

Studenti Maltin Juru l-Ħiliet Finanzjarji tagħhom fil-European Money Quiz

Aqra wkoll

Amy Pizzuto, studenta ta’ St. Joseph School, Sliema, u Ryan Vella li jattendi De La Salle College, kienu fost iż-żgħażagħ Ewropej li kkompetew fil-finali tal-European Money Quiz 2024 li kienu organizzati mill- Federazzjoni Bankarja Ewropea (EBF).

Iż-żewġ studenti kellhom il-vjaġġ u l-akkomodazzjoni tagħhom sponsorjati mill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltija (MBA), hekk kif irrappreżentaw lil Malta u ngħaqdu ma’ delegazzjonijiet nazzjonali oħra ta’ adoloxxenti ta’ bejn it-13 u l-15-il sena, champions mill-pajjiżi rispettivi tagħhom, li ltaqgħu Brussell għaċ-ċans li jirbħu t- trofew prestiġjuż Ewropew.

Amy u Ryan spiċċaw fir-raba’ post wara li tilfu t-tielet post bi ftit punti biss – l-ogħla klassifika li qatt kisbu il-kompetituri Maltin matul l-erba’ snin li l-istudenti tagħna ħadu sehem fil-European Money Quiz.

Amy u Ryan ġew innominati bħala r-rappreżentanti ta’ Malta wara li rebħu kwizz nazzjonali li kien organizzat u appoġġjat mill-MBA bħala parti mill-European Money Week, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Accounting u l-Business Studies fi ħdan id-Direttorat għall-Progammi STEM U VET tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-MBA, Karol Gabarretta, ikkummenta: “Il-kompetizzjoni nazzjonali tagħna kellha parteċipazzjoni notevoli, riflessjoni tal-fokus fuq l-edukazzjoni finanzjarja f’Malta u madwar l-Ewropa, li kull ma jmur dejjem qed jikber. Amy u Ryan tassew għamluna kburin fil-European Money Quiz, u wrew l-entużjażmu taż-żgħażagħ tagħna biex jitgħallmu u jiksbu ħiliet finanzjarji. Huwa tassew ta’ sodisfazzjon għall-MBA li tara inizjattivi bħal dawn iħallu l-frott.”

Din is-sena, il-European Money Quiz kellu numru rekord ta’ parteċipanti f’diversi pajjiżi, b’madwar 36,000 żagħżugħ minn 2,200 skola jipparteċipaw f’rawnds nazzjonali madwar l-Ewropa. L-inizjattiva mnedija mill-EBF fl-2017 għandha l-għan li tagħmmar liż-żgħażagħ b’għarfien finanzjarju essenzjali u trawwem ġenerazzjoni ta’ nies li huma finanzjarjament responsabbli.

Ekonomija

Sport