Monday, May 13, 2024

Pagamenti ġodda biż-żidiet addizzjonali fil-pensjonijiet tar-romol u tas-servizz

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħabbar li ngħalqu żewġ proċessi ta’ aġġustamenti għal din is-sena permezz tal-pagamenti biż-żidiet addizzjonali fil-pensjoni tar-romol li ser issir fi tmiem din il-ġimgħa u fil-pensjoni tas-servizz li ngħatat matul il-ġimgħa li għaddiet.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet. Hawnhekk, tfakkret il-bidla li dan il-gvern għamel fil-proċess li nbeda fl-2022 sabiex il-pensjonanti romol gradwalment se jibdew jirċievu l-pensjoni sħiħa li kieku jirċievu l-konjugi tagħhom kieku għadhom ħajjin.

B’kollox, se jkunu bbenefikaw 7,000 romol li raw żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom minbarra l-€15 fil-ġimgħa żieda li ħadu bħall-pensjonanti kollha.

Il-proċess ta’ aġġustament gradwali għall-pensjonanti tar-romol u tas-servizz wasal f’nofsu u sa tliet snin oħra ikun konkluż kollu. Intant, dawk ir-romol li għad m’għandhomx 61 sena qed igawdu minn eżenzjoni fil-ħlas tat-taxxa li bdiet tgħodd ukoll minn din is-sena bħala miżura oħra tal-Budget 2024.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar il-pagamenti marbuta mal-pensjoni tas-servizz, fejn b’kollox qed jibbenefikaw 6,500 pensjonant tas-servizz li raw żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom minbarra l-€15 fil-ġimgħa żieda li ħadu bħall-pensjonanti kollha.

Il-pensjonanti tas-servizz se jaraw l-ammont tal-pensjoni tas-servizz tagħhom li ma jiġix ikkunsidrat għall-fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali jiżdied b’€200 oħra.

Dan filwaqt li l-pensjonanti tas-servizz li jkunu ġew boarded-out u ħarġu bil-pensjoni tas-servizz kmieni minħabba mard, se jibdew jaraw l-aġġustament imsemmi tal-parti tal-pensjoni kkomputata jsir wara tnax-il sena minn meta jkunu bdew jieħdu l-pensjoni tas-servizz u mhux meta jagħlqu 72 sena.

“Dan hu gvern li dak li jwiegħed, jwettqu. Kull miżura soċjali li wegħedna tul dawn l-aħħar ħdax-il sena wettaqnieha, u iktar minn hekk introduċejna oħrajn ġodda, għaliex komplejna naġġornaw ruħna mar-realtajiet soċjali tal-mument. Dan jixhduh il-familji u l-pensjonanti għaliex jafu min kien hemm għalihom fl-aktar żminijiet ta’ sfida,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport