Sunday, October 27, 2024

Studenti tal-MCAST jitolbu l-istess trattament bħal dawk tal-Università

Aqra wkoll

Studenti li jattendu l-MCAST innotaw kif filwaqt li l-Università ta’ Malta ħabbret li aktar minn żewġ terzi tal-eżamijiet tal-ewwel semestru tagħha se jsiru online, biex timminimizza t-tfixkil minħabba ż-żieda tal-istudenti fil-kwarantina, fi kliemhom, l-MCAST għadu lura milli jagħmel dan. 

Qalu li f’inqas minn ġimgħa ta’ lectures kontinwi b’mod fiżiku fuq il-kampus tal-MCAST, bl-eżamijiet li ġejjin se jkunu skedati fit-18 u l-31 ta’ Jannar, numru ta’ studenti fi kwarantina diġà qed jaraw “il-kuntrarju ta’ dak li kien wiegħed il-maniġment tal-MCAST lill-istudenti tagħha.”

L-istudenti rreferu għall-fatt li qabel ma komplew il-lectures fuq il-kampus, il-maniġment kien infurmahom li se jiffoka fuq miżuri ta’ prevenzjoni, protezzjoni, u sigurtà, u li fost l-oħrajn se jappoġġja lill-istudenti “biex ilaħħqu mas-sessjonijiet mitlufa”.

L-istudenti iżda sostnew li dan kollu kien biss illużjoni. “Ir-realtà hija li jekk student ikun fi kwarantina matul il-ġimgħa tal-eżami, wieħed jitlef l-eżamijiet kollha u jkun sfurzat joqgħod għall-eżamijiet li ntilfu fil-bidu tat-tieni semestru. Jekk l-istudenti jridu jimxu mal-policies attwali tal-MCAST, kull min jitlef l-eżamijiet fi Frar minħabba l-kwarantina, wieħed ipoġġi għall-eżamijiet fl-aħħar tas-semestru (4 xhur wara),” qalu l-istudenti filwaqt li żiedu jgħidu li “dan mhux prattiku u se jkun diffiċli speċjalment għal dawk l-istudenti li jinsabu fl-aħħar sena tagħhom peress li huma taħt pressjoni biex jiffinalizzaw it-teżi tagħhom sa Ġunju”.

“Min-naħa l-oħra, jekk aktar minn student wieħed ikun fi kwarantina, il-maniġment tal-MCAST xorta qed iġġiegħel lill-istudenti tiegħu jagħmlu l-eżami b’mod fiżiku f’data wara l-perjodu tal-kwarantina, anke jekk dan ifisser li l-istudenti jista’ jkollhom diversi eżamijiet fl-istess jum. L-Università ta’ Malta daru madwar din il-kwistjoni billi mexxew l-eżamijiet tal-ewwel semestru online, filwaqt li l-MCAST qed tħalli lill-istudenti tagħha rrabjati u mħassba dwar għaliex mhumiex qed jiġu ttrattati bl-istess mod,” temmew jgħidu l-istudenti.

Sport