Saturday, October 26, 2024

Studji internazzjonali juru d-difetti tat-trackless tram

Aqra wkoll

L-Awstralja ma jriduhomx u pajjiżi oħra tefgħuhom ’il barra 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Ġimgħa, ippreżenta l-alternativa tiegħu għall-proposta tal-metro. Dr Bernard Grech qal li pajjiżna jaqbillu jdaħħal sistema ta’ trackless tram. Fi preżentazzjoni xotta mid-dettalji huwa wiegħed li se jkun kapaċi jimplimenta din is-sistema f’ħames snin. Iżda, studji internazzjonali jidher li ftit li xejn huma pożittivi dwar dik li qed tissejjaħ ukoll bħala l-bendy bus version two. 

Dan kien simili ħafna għall-wegħda li kien għamel Dr Simon Busuttil fil-kampanja elettorali li għaddiet meta kien qal li Gvern Nazzjonalista jibni metro f’ħames snin u din tiswa €2.3 biljun. Meta fil-fatt saru studji serji mid-ditta Arup irriżulta li metro tiswa madwar tliet darbiet aktar u l-kostruzzjoni tieħu tliet darbiet aktar ukoll. 

Jidher li anke għat-trackless tram, iċ-ċans hu li jiġri xi ħaġa simili. Fil-fatt il-Public Transport Association of Canberra f’analiżi li għamlet tindika kif meta ġie propost proġett ta’ trackless tram għall-belt ta’ Melbourne, kien intqal li dan jiswa tliet darbiet inqas mill-alternattivi oħra. Dan l-istess bħalma qal Dr Bernard Grech meta qabbel it-trackless tram mal-metro. Imma meta l-awtoritajiet ta’ Melbourne għamlu l-istudji tagħhom sabu li fil-verità l-ispiża tat-trackless tram kienet tiswa ferm aktar minn alternattivi oħra. 

Dr Bernard Grech qal ukoll li dan it-trackless tram jista’ jiddaħħal malajr għax jista’ jintuża fuq it-toroq ta’ pajjiżna bi ftit li xejn bidliet. L-uniku trackless tram li jopera bħalissa huwa fuq medda ta’ 50 km fil-belt Ċiniża ta’ Zhuzhou. Il-kumpanija Ċiniża li tbigħ din it-teknoloġija kienet qalet lill-awtoritajiet li s-servizz tagħha kien se jaħdem b’mod perfett mal-infrastuttura ta’ belthom. 

Fir-realtà, wara sena jopera t-trackless tram kien wasal għal deterjorament qawwi fit-toroq b’saħħithom ta’ din il-belt Ċiniża. Is-Sustainable Built Environment National Research Centre tal-Awstralja jgħid li fi żmien tnax-il xahar biss tant saret ħsara fit-toroq Ċiniżi li s-sistema ma kinitx għadha kapaċi tidħol fl-istazzjonijiet li kienu għadhom kemm inbnew. Barra minn hekk is-sistema ġiet mhux konformi mal-kodiċi tad-diżabilità Ċiniżi għax nies diżabbli ma setgħux jibqgħu jirkbu fuq it-trackless tram. Dan minkejja li kulħadd jaf kemm jinbnew b’saħħa t-toroq Ċiniżi, filwaqt li f’dan il-pajjiż il-kodiċi tad-diżabilità ma huwiex rigoruż daqs dak fl-Ewropa. 

Diversi studji, inkluż mill-University of Sydney Business School, juru li it-trackless tram mhuwiex superjuri għall-karozzi tal-linja. Problema maġġuri hi li mentri wieħed jista’ jixtri karozzi tal-linja ta’ tipi differenti mingħand ditti varji, dawn it-trackless trams trid tixtrihom dejjem mingħand supplier partikolari. Dawn id-ditti, l-aktar miċ-Ċina, iżommu kontroll strett fuq it-teknoloġija u għalhekk hemm riskji kbar li teħel ma’ fornitur wieħed li mbagħad jgħolli l-ispejjeż ta’ manutezzjoni u rinovar tas-servizz. 

Barra minn hekk, din is-sistema ma ġietx ittestjata biżejjed għal ċertu tip ta’ ambjenti. Pereżempju, f’Las Vegas is-sistema tat-trackless tram spiċċat abbandunata fl-2016. Dan għax ħafna mill-ħin din ma setax taħdem minħabba t-trab u x-xemx. F’postijiet oħra li kkunsidraw jew ippruvaw din is-sistema l-problema kienet ix-xita għax din is-sistema ma tibqax topera wisq tajjeb meta l-viżibilità tonqos.

Fil-fatt sistemi ta’ trackless tram spiċċaw ġew irtirati wara ftit snin fil-bliet ta’ Eindhoven fl-Olanda, Nancy u Caen fi Franza.

Dak li wieħed jaqra f’dawn l-istudji internazzjonali jqajjem dubji kbar fuq kemm il-proposta ta’ trackless tram tista’ taħdem fil-kuntest lokali. Dan barra minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-fatt li t-toroq tagħna huma dojoq u b’ħafna liwjiet – li wkoll huwa problema għal sistemi ta’ trackless tram.

Li hu żgur huwa li t-trackless tram ma jistax jaħdem f’Għawdex. Dan ħareġ b’mod ċar anke mill-preżentazzjoni ta’ Dr Bernard Grech, li qal li dan il-proġett ma jkunx se jkopri lil Għawdex. Li ma qalx hija r-raġuni. Is-sistema ta’ trackless tram ma taħdimx meta jkun hemm elevazzjoni ta’ aktar minn ċertu persentaġġ. Dan ifisser li l-gżira tat-tliet għoljiet bit-tlajja’ li għandha ma tistax ikollha dan is-servizz. Dan japplika wkoll għal diversi bliet u rħula f’Malta, li wkoll huma fuq għoljiet, u li għalhekk jispiċċaw mhux servuti. 

Sport