Saturday, December 21, 2024

Studju dwar kif jiżdiedu l-karozzi elettriċi fis-servizz pubbliku

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħalissa 7% biss tal-karozzi tal-Gvern huma elettriċi

Minn 870 vettura li għandu l-Gvern, 62 biss huma elettriċi jew hybrid. Kien għalhekk li l-Gvern nieda studju fuq medda ta’ sitt xhur biex jiġi analizzat kif il-vetturi l-qodma jiġu mibdula f’oħrajn elettriċi. It-twettiq ta’ din il-miżura hija kompatibbli mal-viżjoni dwar it-tħaris tal-ambjent f’pajjiżna.

L-istudju huwa maqsum fuq tliet attivitajiet prinċipali. L-ewwel attività, li mistennija tiġi konkluża fi żmien erba’ xhur, hi intiża li tieħu stampa ċara b’rabta mas-sitwazzjoni li għandha x’taqsam mal-vetturi tas-servizz pubbliku. Hawn se jiġu kkonsultati l-Ministeri kollha inkluż ix-xufiera nfushom u se tinġabar ukoll informazzjoni tat-traġitti li jsiru b’dawn il-vetturi. 

Fit-tieni attività se jiġi analizzat kif se ssir il-qalba għal vetturi elettriċi, b’kunċetti innovattivi ħafna li jieħdu ħsieb l-ambjent. Fl-istess ħin, se jiġu identifikati soluzzjonijiet ta’ kif se jiġu indirizzati dawn il-miri ġodda.

Hawn il-Gvern qed iħares lejn sistema illi b’mod elettroniku se tkun qiegħda tħaddem dawn il-vetturi l-ġodda, u fl-istess ħin se jaraw li jitwaqqfu ‘hubs’ fejn dawn il-vetturi b’mod mill-aktar effiċjenti jridu jkunu ċċarġjati. 

It-tielet u l-aħħar attività se tagħti elenku sħiħ ta’ dak li hemm fis-suq fejn jidħol ix-xiri tal-vetturi, bl-aħħar teknoloġija, biex jaraw x’jagħmel l-iktar sens għas-servizz pubbliku. 

L-iffirmar tal-ftehim li se jara l-bidu tal-imsemmi studju, sar minn Christine Schembri – Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Kabinett (Kordinazzjoni u Implimentazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru), Anthony Gatt – Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u Michael Ganado mill-PriceWaterHouseCoopers. 

Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar li spjega li din il-bidla hi waħda strateġika fejn permezz tagħha “se nolqtu diversi għasafar b’ġebla waħda.” 

“Dan l-istudju huwa l-bidu tat-twettiq. Dak li qed nagħmlu llum huwa l-bażi li fuqu se nkomplu nibnu, se jkun qed iħares lejn il-flotta kollha u l-istruttura fil-mod kif tiġi immaniġġjata. Din mhix biss li l-vetturi li qed neqilbu għall-elettiku. Imma l-għan aħħari apparti dan huwa li nkunu aktar effiċjenti fil-mod kif inħaddmu l-flotta tagħna,” qal is-Sur Cutajar.

“Hemm għalfejn kull Dipartiment/Minsteru jkollu l-karozza tiegħu? Hemm għalfejn li Ministeru biex iwassal persuna waħda jew xi ħaġa juża dik il-vettura u ħadd iktar ma jużaha? Hemm ċans li jinbidel dak kollu u nħaddmu sistema ferma aħjar milli hi llum fejn jidħol il-flotta Govenattiva?,” kompla jistaqsi s-Sur Cutajar.

Huwa qal li qegħdin noħorġu mis-servizz pubbliku u bis-soluzzjonijiet li qed insibu qed nolqtu wkoll it-tħassib tas-soċjetà anke fil-qasam ambjentali. Miżuri oħra li għandhom laqta ambjentali huma r-remote-working u anke l-one-stop-shops li għandna mxerrdin madwar il-pajjiż fejn il-pubbliku jkun moqdi aħjar, viċin tiegħu.

Huwa żied jenfasizza: “li taqleb l-vetturi tiegħek għall-elettriku huwa biss qafas. Min se jsewwi l-karozzi li jaħdmu bl-elettriku? X’taħriġ irid isir biex nies li għandu l-Gvern illum jinbidlilhom l-irwol u nibdew anke nsewwu vetturi oħra?”.

“Dan huwa servizz pubbliku li ma jħarisx biss lejn it-traġitt tal-karti minn skrivanija għall-oħra. Dan hu servizz li jaħseb, li jippjana u li għandu viżjoni. Qegħdin avvanzati wkoll f’miżura oħra ambjentali biex innaqqsu l-karta mill-użu tal-proċessi fis-servizz pubbliku.

“Jekk titkellem fuq is-servizz pubbliku tiġik f’moħħok il-burokrazija. Is-servizz pubbliku se jkun qed jibdel din is-sistema kollha biex nibdew bit-teknoloġija innaqqsu l-karta u fl-istess ħin insolvu l-problemi oħra fejn tidħol id-data u fl-istess ħin nagħtu servizz aħjar.”

“Ikun aktar faċli li s-servizz pubbliku jittrasofrma ruħu f’servizz ta’ eċċellenza li huwa l-viżjoni li jmiss tal-istrateġija li se tkun varata fil-jiem li ġejjin. Diġa’ ġiet approvata mill-Kabinett ibbażata fuq in-nies, is-servizz u t-teknoloġija. Strateġija li se nkunu qed invaraw bi tliet prinċipji ewlenin li kull proġett li hemm fiha jrid ikun imsejjes fuqhom. Il-kwalità, il-kontabilità u s-sostenibbilità,” tenna s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.

Ekonomija

Sport