Saturday, December 21, 2024

Studju jsib li f’Għawdex qed tinbidel il-mentalità rigward persuni gay

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minħabba li Għawdex huwa aktar rurali, li tkun omossesswali hija xi ħaġa iebsa u ma tantx hemm opportunitajiet li wieħed jiltaqa’ ma’ nies li huma gay jew leżbjani. Madankollu, illum il-ġurnata hemm aktar għarfien u aċċettazzjoni għal persuni ta’ orjentazzjonijiet sesswali fost l-Għawdxin. Il-bidliet leġiżlattivi riċenti fir-rigward ta’ persuni gay għamluha aktar faċli biex tinbidel din il-mentalità. 

Dan ħareġ minn studju li għamlet Graziella Scerri dwar tendenzi moħbija li issa qed joħorġu aktar fil-beraħ u li d-dettalji dwaru jinsabu fit-tieni volum tal-pubblikazzjoni ‘Mapping the Rainbow’ dwar id-diversità fil-komunità LGBTIQ.

F’dan l-istudju, ġew intervistati seba’ leżbjani Għawdxin fl-età ta’ bejn it-22 u t-30 sena, li diġà kienu aċċettaw lilhom infushom bħala tali minn tal-inqas sentejn qabel. Ħafna minn dawn qattgħu iktar ħin f’Malta milli f’Għawdex biex jistudjaw, jaħdmu, jiddevertu u anke joqogħdu Malta.

Mill-istudju rriżulta wkoll illi l-attrazzjoni ta’ mara għas-sess femminili ħafna drabi bdiet fl-età ta’ 13-il sena. Intqal illi l-fatt li s-soċjetà fil-parti l-kbira tagħha hi eterossesswali dan wassal għal diffikultajiet ta’ identità.

Uħud mill-parteċipanti ddikjaraw li saħansitra kienu pprovaw jibnu relazzjonijiet ma’ rġiel biex ikunu bħal ħaddieħor, bil-konsegwenza li ġew affettwati ħażin u f’ċertu każi dan wassal għal dipressjoni u skumdità.

Min-naħa l-oħra, intqal ukoll li l-espożizzjoni għall-omosesswalità żdiedet meta l-leżbjani Għawdxin qattgħu aktar ħin jaħdmu jew jistudjaw f’Malta. F’kuntest urban bħal dan, persuna leżbjana tħossha soċjalment aċċettata u dan ħeġġeġ lill-parteċipanti biex ikunu aktar miftuħa dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom ma’ sħabhom.

Filwaqt li s-seba’ parteċipanti kollha sostnew li fetħu qalbhom l-ewwel ma’ ommhom, tnejn minnhom ikkonfermaw li qatt ma ddiskutew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom ma’ missirijiethom minħabba twemmin reliġjuż qawwi jew nuqqas ta’ komunikazzjoni bejniethom.

Issemma wkoll li f’Għawdex huwa aktar diffiċli li toħroġ ma’ leżbjani oħra jew għax il-biċċa l-kbira tagħhom ikunu għadhom ma ddikjarawx l-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew inkella għax iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom f’Malta. Tnejn biss mis-seba’ parteċipanti ħarġu l-aktar ma’ nisa Għawdxin.

Fl-istudju jiġi enfasizzat ukoll l-importanza tal-edukazzjoni minn età żgħira f’dan ir-rigward, filwaqt li kien irrakkomandat li għandu jkun hemm iżjed għarfien fost il-ġenituri, speċjalment f’Għawdex, permezz ta’ konferenzi, gruppi ta’ appoġġ, taħditiet edukattivi u anke programmi. 

Apparti minn hekk, intqal li servizzi psikoloġiċi li jistgħu jgħinu lil-leżbjani żgħażagħ sabiex joħorġu aktar fil-beraħ l-orjentazzjoni sesswali tagħhom għandhom ikunu iżjed aċċessibbli.

Ekonomija

Sport