Il-pandemija globali tal-Covid-19 ikkawżata minn virus qattiel li oriġini fiċ-Ċina, kienet waħda mill-akbar isfidi tal-era moderna li żgur li se tibqa’ mfakkra fl-Istorja.
Kawza ta’ dan il-virus, li għall-bidu ma ttieħidx biżżejjed bis-serjetà anke mill-akbar korpi internazzjonali tas-saħħa, spiċċajna magħluqa fid-djarna mwerrwin li se jkun imiss lilna jew lill-għeżież tagħna dak il-ventilatur fis-swali tal-kura intensiva.
B’sitwazzjoni li tista’ tgħid niżżlet lid-dinja għar kopptejha, inħasset rabja. Rajba li ġabet magħha ħafna mistoqsijiet b’dik prinċipali tkun – minn fejn ġie, beda jew min ikkawża din il-pandemija?
Fil-bidu ħadd ma kien jaf. Dan sakemm saret pressjoni fuq il-pajjiż ta’ oriġini – iċ-Ċina – fejn l-awtoritajiet lokali qalu li kien oriġina minn suq f’Wuhan. Sadanittant bdew joħorġu suspetti u għajdut li dan il-virus kien ħareġ bi żball minn laboratorju fl-inħawi li kien jagħmel studji fuq għadd ta’ virusi simili.
Proprju minħabba dan l-aħħar dubju, il-komunità internazzjonali talbet u tat bidu għal investigazzjonijiet biex tara minn fejn verament orġina l-virus qattiel. Barra l-investigazzjonijiet bdew isiru ħafna studji u huwa proprju studju riċenti li reġa’ saħħaħ it-teorija li l-Covid-19 oriġina minn suq Ċiniż u li l-bnedmin ħa dan il-virus minn annimali infettati f’dan is-suq f’Wuhan lejn l-aħħar tas-sena 2019.
Il-kampjuni ma ttieħdux minn fuq annimali jew nies…
L-istudju ppubblikat mill-ġurnal “Cell” kien ibbażat fuq 800 kampjuni miġbura mis-suq tal-ħut Huanan ta’ Wuhan fejn jingħad li kienu jinbigħu fih għadd ta’ annimali. Il-kampjuni nġabru f’Jannar tas-sena 2020 wara li ngħalaq l-istess suq.
Dawn il-kampjuni ma ttieħdux direttament minn fuq annimali jew nies iżda minn fuq l-uċuħ tat-tilari li fuqhom kienu jinżammu l-annimali għall-bejgħ, kif ukoll mid-drenaġġ.
Fir-rigward il-ko-awtriċi ta’ dan l-istudju, Florence Debarre, qalet li, “minn din il-ġabra ta’ informazzjoni li ngħatat mill-awtoritajiet Ċiniżi, ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert jekk l-annimali fis-suq kienux infettati jew le.
Minkejja dan, l-istudju tagħna jikkonferma li lejn tmiem l-2019 fis-suq kien hemm annimali selvaġġi ta’ speċi differenti fosthom rakkun, klieb u civets ”.
Il-mammiferi jingħad li kellhom rwol intermedjarju
Debarre, li hija esperta mal-aġenzija tar-riċerka Franċiża CNRS qalet ukoll li l-annimali inkwistjoni kienu fin-naħa tal-lbiċ tas-suq li hija wkoll iż-żona fejn instab fi preżenza qawwija l-virus SARS-CoV-2 li jikkawża l-Covid-19.
Ir-rwol ta’ dawn il-mammiferi fit-trasmisssjoni tal-virus kien wieħed intermedjarju bejn il-bnedmin u l-friefet il-lejl li huma s-suspettati li minnhom oriġina s-SARS-CoV-2.
Il-preżenza ta’ dawn l-annimali fis-suq ta’ Huanan qabel kienet ġiet ikkontesta. Dan minkejja li kien hemm evidenza fotografika u studju tal-2021 li juru l-preżenza tagħhom.
Minkejja li għal darb’oħra x-xjenzati qegħdin isostnu li kollox jindika li din hija l-oriġini tal-Covid-19, ħames snin wara mill-bidu tiegħu, il-komunità internazzjonali xorta waħda għadha ma tistax tikkonferma mija fil-mija minn fejn eżattament ġie dan il-virus… Il-kontroversja tkompli.