Friday, October 11, 2024

B’investiment ta’ aktar minn €5 miljun, ġie ffirmat ftehim bejn Aġenzija Sapport u Dar il-Kaptan

Aqra wkoll

B’investiment ta’ aktar minn €5 miljun, ġie ffirmat ftehim bejn Aġenzija Sapport u Dar il-Kaptan li permezz tiegħu se jkunu koperti żewġ servizzi ta’ importanza kbira għar-residenti. Dan il-ftehim, li jkopri servizz ta’ respite residenzjali u servizz ta’ respite matul il-jum, se jfisser mhux biss li persuni b’diżabilità jistgħu jirċievu servizzi ta’ kwalità, iżda li l-familjari tagħhom jistgħu jieħdu ftit mistrieħ.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia ppresediet għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim.

Dan il-ftehim li hu validu għal tliet snin ser ikollu €4.2 miljun ddedikati għas-servizz ta’ respite residenzjali u aktar minn €865,000 għar-respite ta’ matul il-jum. Dan se jfisser żieda ta’ aktar minn €850,000 mill-ftehim ta’ qabel li kien iffirmat fl-2021. Dawn il-fondi jkopru wkoll il-pagi tal-impjegati, taħriġ, trasport għall-persuni b’diżabilità u superviżjoni. Iż-żieda f’din l-allokazzjoni tirrifletti l-impenn tal-Gvern biex ikompli jtejjeb is-servizzi għall-persuni b’diżabilità.

Is-servizz ta’ respite residenzjali jkopri allokazzjoni ta’ 17-il sodda. Dan is-servizz jilħaq persuni b’diżabilità b’livelli differenti ta’ bżonnijiet u indipendenza. Fil-preżent dan is-servizz qed jilħaq 223 persuna b’diżabilità. Is-servizz residenzjali hu disponibbli kemm bi pjan kif ukoll f’każijiet ta’ emerġenza.

Persuni b’diżabilità li jistgħu jibbenefikaw minn dan is-servizz jinkludu tfal, żgħażagħ u adulti. Biex jiġi aċċertat l-aqwa servizz, qabel ma persuna tibda tagħmel użu minn dan is-servizz, din ser ikollha ċ-ċans li tqatta’ xi ħin f’Dar il-Kaptan matul żjara ta’ orjentazzjoni. Kull persuna b’diżabilità li tagħmel użu mis-servizz residenzjali f’Dar il-Kaptan jitħejjilha pjan individwali li ssir reviżjoni tiegħu skont il-ħtieġa u x-xewqat tal-individwu.

“Se nkomplu nappoġġaw xogħol li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità madwar pajjiżna. Dan il-ftehim li qed niffirmaw illum huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern biex naċċertaw li ċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-abbiltajiet tagħhom, jirċievu l-kura u s-sapport li jixraqilhom. Billi nipprovdu sostenn finanzjarju għal dawn is-servizzi essenzjali ta’ respite, mhux biss qed ninvestu fil-benesseri tal-persuni b’diżabilità, iżda wkoll fil-familji u l-carers. Dan il-kuntratt ifisser ħafna aktar minn finanzjament biss; huwa riflessjoni tal-importanza li s-soċjetà toffri spalla lill-familji,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.

Is-servizz ta’ respite matul il-jum se jkun qed jgħin 15-il persuna b’diżabilità. Dan hekk kif se joffri programm strutturat inkluż programmi dwar għajxien indipendenti sabiex jiffaċilita l-inklużjoni tagħhom fil-komunità. Dan is-servizz jgħin ukoll biex jiġu identifikati minn kmieni xi tibdiliet jew bżonnijiet ġodda li jkollha l-persuna b’diżabilità inkluż dawk relatati mas-saħħa, filwaqt li jagħti servizz ħolistiku lill-persuna b’diżabilità permezz ta’ pjanijiet individwali għal kull persuna, liema pjan ikun maqbul bejn Dar il-Kaptan u Aġenzija Sapport.

Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, irrefera għall-kollaborazzjoni ma’ Dar il-Kaptan bħala waħda b’saħħitha bl-għan li jkunu pprovduti servizzi ta’ kwalità lill-persuni b’diżabilità u anke lill-familjari tagħhom.

Iffirmaw dan il-ftehim Martin Saliba, Chairperson tal-Foundation for Respite Care Services għal Dar il-Kaptan, Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mark Musu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport